Notifiki

Is-Solidarjetà Ewropea hija ċ-ċavetta għas-suċċess fil-ġlieda kontra l-pandemija – il-MPE Laburista Cyrus Engerer

Hekk kif indirizza lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer saħaq fuq l-importanza tal-għaqda fil-qasam tas-saħħa bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija Covid-19.

Huwa fakkar fis-sentiment li kien jinħass madwar sena ilu meta ċertu pajjiżi tal-Unjoni Ewropea tħallew waħedhom fl-isfidi li kienu qed jiffaċċjaw biex ilaħħqu mal-imxija tal-Pandemija.

Engerer qal li l-Unjoni Ewropea indirizzat dan is-sentiment permezz tal-għaqda fl-innegozzjar fuq ix-xiri tal-vaċċini.  Fakkar li permezz tal-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, l-ebda pajjiż ma tħalla mingħajr vaċċin u l-prezz tal-vaċċin kien l-istess għal kulħadd, irrispettivament mid-daqs tal-pajjiż. Fin-nuqqas ta’ din is-solidarjetà bejn il-pajjiżi tal-Unjoni, kienu jkunu l-kumpanniji tal-‘big pharma’ li jieħdu vantaġġ minn sitwazzjoni fejn kull pajjiż kien ikollu jixtri l-vaċċini b’mod individwali.

“Konvint li l-istorja se tiġġudika dan il-mument diffiċli bħala wieħed essenzjali fil-mixja tal-integrazzjoni tal-Unjoni Ewropea.”

Ikkonkluda d-diskors tiegħu billi enfasizza l-importanza li l-Unjoni Ewropea tibda tinnegozja u tixtri minn issa iktar dożi tal-vaċċin, biex inkunu ppreparati fl-eventwalità tal-bżonn tat-tielet tilqima.

F’referenza għan-nuqqas ta’ trasparenza mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-kuntratti tax-xiri tal-vaċċini, Engerer saħaq li “il-mument li l-Unjoni ma tkunx trasparenti, hu l-mument li ċ-ċittadini jitilfu l-kredibbiltà fl-Unjoni Ewropea.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend