Il-ġbejna tintuża bħala eżempju għal riċerka dwar il-kontaminazzjoni tal-ikel

B’investiment ta’ mija u ħamsa u disgħin elf ewro, finanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, sar proġett b’kollaborazzjoni bejn iċ-Ċentru għall-Biomediċina u ċ-Ċibernetika, id-Dipartiment tax-Xjenzi tal-Ikel u n-Nutrizzjoni fl-Università ta’ Malta u Farm Fresh Limited fejn instab mod li wieħed jista’ jagħraf kontaminazzjoni tal-mikrobi fl-ikel iżjed malajr.

Ir-Riċerka kienet iffukata l-iżjed fuq il-ġbejniet għaliex fil-proċess li din tkun qed issir, liema proċess jieħu diversi xhur sabiex il-ġbejna tiżviluppa t-togħma tagħha, ikun hemm ċans li l-ġobon jiġi kkontaminat minn fungi u b’hekk ma jkunx sigur sabiex jittiekel mill-bniedem.

Sabiex tiġi eżaminata din ir-riċerka ġiet prodotta ġbejna u tpoġġew biċċiet ta’ dawn il-mikrobi iżolati.

F’kumment mal-Lettur fiċ-Ċentru għall-Biomediċina u ċ-Ċibernetika fl-Università ta’ Malta, qalilna li permezz ta’ kamera iperspektrali se tinstab l-kontaminazzjoni fi stadju bikri.

Is-Sur Owen Falzon li hu lettur fl-Università ta’ Malta fisser: “L-idea hija li nkunu nistgħu nispezzjonaw u nidentifikaw il-preżenza ta’ dawn il-mikrobi f’fażi kmieni ħafna u bis-saħħa t’hekk jekk ikun hemm xi ikel ikkontaminat ikun jista’ jiġi identifikat aktar kmieni minn testjiet li jsiru s-soltu. Din ir-riċerka għada għaddejja u qed inkomplu naħdmu fuqha imma l-implikazzjoni hija li fl-aħħar mill-aħħar il-prodotti li jaslu d-dar tagħna ħa jkunu dejjem aktar sikuri sabiex jiġu kkunsmati.”

F’avveniment li sar fiċ-Ċentru għax-Xjenza, l-Esplora, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffery Pullicino Orlando, qal li l-Kunsill joffri appoġġ mhux lill-istituzzjonijiet akkademiċi iżda wkoll lill-entitajiet privati u pubbliċi li jieħdu interess fir-riċerka u l-innovazzjoni.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici stqarr li dan il-proġett jitfa’ dawl fuq l-importanza li r-riċerka u l-innovazzjoni għandha għall-ekonomija.

Il-Ministru Bonnici tenna: “Illum qed niċċelebraw dawn ir-riżultat li jwasslu għal xi ħaġa ġdida li se jkollha użu ekonomiku fejn jidħol il-qasam tal-ikel u din hija xi ħaġa li aħna se nkomplu nimbuttaw ‘il quddiem.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend