Il-Karnival ta’ din is-sena li se jsir bejn it-12 u s-16 ta’ Frar se jkun qed isir b’mod differenti milli nafuh issoltu, minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija.
Minħabba dan, din is-sena flok il-karrijiet tradizzjonali, se jkunu qed isiru installazzjonijiet artistiċi f’diversi lokalitajiet madwar Malta u pjazzez fil-Belt Valletta.
Dan sabiex dawn l-installazzjonijiet jitgawdew mill-pubbliku. Barra dan se jkunu qed jixxandru dokumentarji relatati mal-arti tal-parteċipanti tal-Karnival u l-istorja ta’ din it-tradizzjoni ewlenija fil-kultura Malta.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Kultura José Herrera li qal kif dan se jsir b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa flimkien mad-dilettanti tal-Karnival. Il-Ministru Herrera semma l-importanza tar-reżiljenza tas-settur artistiku waqt il-pandemija, ħalli din it-tradizzjoni tibqa’ tissaħħaħ fil-futur.
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Annabelle Stivala qalet li qed isir minn kollox biex jiġi aċċertat li l-programm pjanat jimxi mal-linji gwidi, filwaqt li jkollhom post sigur fejn jistgħu jesprimu l-kreattività tagħhom.
Id-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil qal li l-għan tal-edizzjoni ta’ din is-sena huwa li tkun ippreservata t-tradizzjoni u l-kultura Maltija.