Notifiki

“Dan il-Gvern qed ikompli jaħdem biex isolvi t-telqa li ħalla l-PN fin-Nofsinhar tal-pajjiż” – il-PL

Il-Partit Nazzjonalista kompla fejn ħalla fl-aħħar snin, anzi mar agħar minn hekk u llum saħansitra spiċċa jikkritika inizjattivi li se jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista.
Spjega kif fl-istess waqt, l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech mhux biss m’għandhiex il-ħila toħroġ bi proposta waħda biex tindirizza l-isfidi li tkun qed jitkellem dwarhom, iżda spiċċat tattakka investiment miljunarju fil-Free Port li se jnaqqas sostanzjalment l-inkonvenjent li ġġib magħha tali attività lir-residenti ta’ Birżebbuġa.

L-istqarrija tgħid li ironikament, il-PN ħareġ jattakka l-Gvern l-għada li tħabbar li aktar minn 260 familja se jgawdu bejniethom minn kważi nofs miljun ewro biex ibiddlu l-aperturi tagħhom u jagħmluhom bid-double glaze. Dan wara li aktar kmieni s-sena li għaddiet mijiet oħra diġà gawdew minn din l-iskema.

Sostna kif dwar l-onshore power supply fil-Freeport, dan il-Gvern diġà beda x-xogħol fuq is-sejħa għall-offerti, b’taħditiet mal-Enemalta biex jipprovdu s-servizz tal-elettriku u ħidma marbuta mal-finanzjament tal-proġett.

Qal li n-nies ta’ Birżebbuġa jafu sew li hu dan il-Gvern li qed isolvi l-problemi li qatt ma ġew indirizzati fi żmien Gvern Nazzjonalista. Huwa ironiku wkoll li l-Oppożizzjoni spiċċat titkellem dwar arja aktar nadifa għan-nies tas-south, meta kienet l-istess Oppożizzjoni li fil-mument tal-prova għażlet il-Heavy Fuel Oil fuq enerġija aktar nadifa.

Temm billi qal li l-Partit Laburista fil-Gvern se jkompli jsolvi l-problemi li ħallew warajhom Gvernijiet Nazzjonalisti, inkluż l-għeluq b’mod definittiv tal-impjant f’Birżebbuġa matul din is-sena.
Dan kollu qed isir minn Gvern kredibbili, b’politika li ssib soluzzjonijiet ġodda u innovattivi u mhux b’politika bħal dik li qed tkompli tadotta l-Oppożizzjoni li ma toffri xejn ġdid.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend