BIL-FILMAT: Konsultazzjoni pubblika għal bdil fil-liġi tal-Condominia

Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika dwar l-emendi fil-liġi tal-Condominia.  Din il-liġi taffetwa lil kull min joqgħod f’appartamenti u jagħmel użu mill-komun tal-binja.  B’hekk permezz ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li ser jagħlaq fil-31 ta’ Marzu, ser tkun qed tingħata ħarsa lejn il-bżonnijiet u l-preokkupazzjonijiet ta’ persuni li jintlaqtu minn din il-liġi li saret fl-1997, qabel din isirilha it-tibdil neċessarju.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis spjega kif malli jingħalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni ser ikun qed jitlaqqa’ ‘working commitee’ magħmul min-numru ta’ esperti sabiex jitlesta l-abbozz bl-emendi neċċessarji skont il-proposti mressqa mill-pubbliku.

“Hawn numru kbir ta’ appartamenti, eluf ta’ appartamenti li nbnew.  Li jolqtu lil min jippresta servizzi  f’dawn l-appartament, lin-nies lill-ġirien, lill-periti, li jistgħu jikkonsultaw magħna.  U allura għamilna dan il-proċess, proċess ta’ konsultazzjoni qabel ma’ nagħmlu liġi.  Għalfejn? Għaliex huwa gvern li jisma’, Gvern tan-nies u Gvern għan-nies.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-komunitajiet, Alex Muscat spjega kif dan it-tibdil fil-liġi jista’ wkoll iżid ix-xogħol għal min jagħmel xogħol ta’ amministrazzjoni tal-condominia b’mod professjonali.

“ Tajjeb li jkollok liġi iktar ċara illi tkun iktar preċisa fuq kif għandu jkun amministrat il-blokk, iż-żamma tal-indafa pereżempju fil-komun.  Dawn kollha huma affarijiet li jistgħu jiġu rregolati b’din il-liġi.  Hija liġi li anke tista’ tiftaħ opportunita ġdida ta’ xogħol għall-amministrazzjoni tal-blokok tagħna u allura importanti li kemm jista’ jkun ikun hemm parteċipazzjoni wiesa’ minn kulħadd biex tkun liġi li tirrifletti l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius spjega kif mis-sebgħinijiet, l-appartamenti f’pajjiżna komplew jiżdiedu u llum huma d-dar ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

“Il-figuri tal-applikazzjonijiet li ġew approvati matul is-snin mill-Awtoritá tal-ippjanar naraw li f’dawn l-aħħar tliet snin l-applikazzjonijiet għall-appartamenti u l-approvazzjoni għall-appartamenti triplaw u allura naħseb li huwa importanti li jkollna liġijiet li jimxu maż-żminijiet u għalhekk illum wara għoxrin sena li ġiet approvata din il-liġi qed inmorru quddiem il-poplu sabiex nisimgħu mingħandhom il-bidliet li hemm bżonn iseħħu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend