Notifiki

Il-PL jgħid li l-Oppożizzjoni qalet fatti żbaljati dwar l-immaniġjar tal-iskart

Il-Partit Laburista qal li l-Oppożizzjoni lanqas qed igġib fatti bażiċi tajbin fuq separazzjoni tal-iskart aħseb u ara kemm tista’ tmexxi dan il-qasam.

Il-PL qal dan fi stqarrija hekk kif spjega li ma huwiex minnu l-isforz tan-nies qed jiġi mittiefes u hija gidba kbira li skart separat qed jiġi mħallat.

“Ninsabu sorpriżi bir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista għax saħansitra ftit xhur ilu delegazzjoni tal-PN stess żaret il-kumpless tal-Wasteserv biex tara x-xogħol siewi li qed isir,” qal il-Partit Laburista.

Il-Partit Laburista kompla jgħid li jekk hemm bżonn li l-kelliema l-ġodda jinfurmaw ruhom, dawn jistgħu jimxu fuq il-passi ta’ qabilhom u jmorru jaraw b’għajnejhom, u minflok imaqdru l-isforz ta mijiet ta’ eluf ta’ Maltin, japprezzaw u jaraw ir-riżultati ambjentali li qed jinkisbu.

L-istqarrija sostniet li l-PN reġa’ waqa’ għall-vizzju tal-passat li jikkritika mingħajr ma joffri ebda soluzzjoni, din id-darba anki l-Qrati li qegħdin imexxu l-inkjesta Maġisterjali fuq il-ħruq tal-impjant ta’ Sant Antnin.

Fakkar ukoll kif il-PN fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart ifisser biss miżbliet, waħda wara l-oħra, bla ideat, u bla viżjoni.

Kuntrarju ta’ dan, il-Gvern qed jikseb suċċess wara ieħor, qed itejjeb il-prestazzjoni fejn jidħol ir-riċiklaġġ xahar wara xahar, u fl-istess waqt nieda investiment ta’ nofs biljun ewro li ser iwassal lil Malta fil-quċċata tal-Ewropa fejn jidħol l-immaniġjar tal-iskart.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend