Installazzjoni artistika li tissimbolizza l-ħin

L-istorja, il-bini militari u n-natura li jikkaratterizzaw il-lokalità ta’ Pembroke, intużaw bħala ispirazzjoni għal artist li ħadem proġett ta’ arti fi spazju pubbliku, bl-isem ta’ The Passage of Time.

Bħala parti mis-sejħa tal-Arti fi Spazji Pubbliċi, l-installazzjoni tal-arti f’dan il-proġett tirrifletti t-tema tal-pasjaġġ taż-żmien li fl-isfond tal-arloġġ ikonu ta’ Pembroke, l-artist integra l-ispazju naturali taż-żona mal-element storiku tal-bini tal-perjodu Ingliż permezz ta’ interpretazzjoni artistika moderna.

L-artist Stephen Saliba spjega kif tpoġġew strutturi tal-ħadid li jissaddad bi skop li juru li maż-żmien, kollox jinbidel.

Qal kif, “Il-ħsieb huwa ż-żmien u r-relazzjoni mal-arloġġ u għalhekk hawn serje ta’ frames tal-ħadid li wieħed huwa mistieden jgħaddi minnhom biex ikolli dil-perċezzjoni li qed jgħaddi minn post li biż-żmien isir qadim u jinbidel u fil-fatt mad-dawra parti mill-installazzjoni għamilna wkoll dawn is-siġar antiki taż-żebbuġ li jagħtu l-impressjoni li ovvjament iż-żmien kultant mhux biss ixejjaħ, jitfa’ l-affarijiet lura jew ikerrah imma f’ċertu aspetti jsebbaħ in-natura li hawn ħdejna.”

Il-Ministru Ian Borg qal li din is-sejħa daħlet fit-tieni edizzjoni tagħha fejn ingħata ċans lill-Kunsilli Lokali u lill-artisti jipproponu biċċiet tal-arti fi spazji pubbliċi.

Qal ukoll li l-ispirazzjoni f’dan il-proġett, l-arloġġ li jinsab fl-isfond, huwa proprjetà ta’ Transport Malta, u dan se jiġi rrestawrat fiż-żmien li ġej.

Spjega li, “Hemm għatx kemm min-naħa tal-Kunsilli Lokali u kemm min-naħa tal-artisti u din hija installazzjoni oħra li qed naraw hawnhekk f’Pembroke fejn għandek dil-perspettiva tal-ħin biswit l-arloġġ li nzerta proprjetà tal-Awtorità tat-Trasport u li serraħt ras il-komunità ta’ Pembroke u l-Kunsill Lokali b’mod partikolari li ser ikun qed jiġi rrestawrat.”

Is-Sindku ta’ Pembroke, Dean Hili, qal li din l-installazzjoni żżewweġ l-element tal-ġmiel naturali tal-lokalità mal-istorja militari tagħha.

Fuq kollox, l-installazzjoni hija xi ħaġa li tqajjem interess, mistoqsijiet, kurżità u anki tagħti lok għal kritika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend