Notifiki

Jitnedew żewġ skemi tal-budget għal xogħol f’Għawdex

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nieda l-Gozo Employment Refund Scheme u l-iskema tat-teleworking.

Dawn huma żewġ miżuri tal-budget għal din is-sena, li huma mmirati biex jinċentivaw lil min iħaddem sabiex joffri lill-ħaddiema Għawdxin kuntratt aktar stabbli, xieraq u fit-tul.

Dawn iż-żewġ skemi ġew imnedija mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Id-Direttur tat-Turiżmu u l-Iżvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, Ronald Sultana spjega kif b’kollox, fl-iskema ta’ rifużjoni li min iħaddem ħaddiema ġodda f’Għawdex jista’ jieħu massimu ta’ sitt elef ewro fuq medda ta’ tliet snin.

Ġie spjegat ukoll li bil-għan li tiġi inċentivata stabbilità fl-impjegi, ir-rimborż mhux se jkun l-istess matul it-tliet snin.

Fil-fatt fit-tielet sena se jkun hemm l-akbar ammont ta’ rimborż, jiġifieri ta’ tlett elef ewro. Il-Ministru Clint Camilleri rrimarka li din hija skema li tippremja l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fi sfond ta’ sitwazzjoni ta’ sfida.

Huwa qal, “Din hija skema li diġà kienet suċċess fejn propju jekk wieħed jara is-sena 2020, li kienet sena bi sfidi kbar ġew iġġenerati u bbenefikaw minn din l-iskema d-doppju ta’ kemm ġew iġġenerati s-sena ta’ qabel.”

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tnediet ukoll l-iskema tat-teleworking f’Għawdex.

Ġie spjegat li se jgawdu minnha l-kumpaniji bbażati f’Malta li joffru lill-ħaddiema Għawdxin l-faċilità li jaħdmu mid-dar.

Din l-iskema tkopri sa massimu ta’ 10 ħaddiema fis-sena għal kull kumpanija, b’ammont massimu ta’ għaxart elef ewro

Il-kumpaniji li joffru l-faċilità ta’ telework fit-tul, ser ikollhom rimborż annwali hekk kif ġej: fl-ewwel sena massimu ta’ tlett elef ewro, fit-tieni sena massimu ta’ tlett elef ewro u fit-tielet sena massimu ta’ erbat elef ewro.

Il-Ministru Camilleri qal li dan l-inċentiv huwa mmirat biex din l-iskema ma tkunx waħda temporanja iżda tkun iżjed fit-tul.

Huwa saħaq: “Għaldaqstant anke rebursement mhuwiex propju fuq sena waħda iżda jkun fuq numru ta’ snin sabiex propju wkoll ninċentivaw din il-prassi li ma tkunx waħda temporanja iżda tkun waħda aktar fit-tul.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend