Notifiki

‘Melita Marine Group’ b’investiment ta’ €5 miljun

Il-kumpanija ‘Melita Marine Group’ li tieħu ħsieb il-manutenzjoni ta’ mijiet ta’ bastimenti ser tkun qed tagħmel investiment massiċċ ta’ ħames miljun ewro għal servizz tal-ogħla kwalità fis-settur marittimu u tal-inġenerija.

L-investiment ser jikkonsisti f’manifattura ta’ settijiet tal-ġeneraturi f’Malta u estensjoni tal-faċilitajiet f’Bulebel.  Dan filwaqt li l-kumpanija ser tinvesti f’hydroponics u renewables u ippjanar ta’ 10,000kw dynamometer fil-Greċja disponibbli għall-użu kummerċjali. Dan l-investiment ser isarraf ukoll f’aktar impjiegi għall-ħaddiema Maltin.

Id-Direttur tal-kumpanija Pierre Balzan spjega kif l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern tul din il-pandemija kienet kruċjali sabiex l-investiment ikun jista’ jkompli jsir.

Huwa qal, “L-għajnuna li nirċievu aħna regolarment mill-Gvern, qabel il-Covid u waqt il-Covid hija importanti immens biex aħna nkomplu niżviluppaw il-pjanijiet tagħna kemm ġo Malta u pajjiżi oħrajn barranin.”

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri tkellem fuq il-ħidma strateġika lejn il-ħolqien ta’ ekonomija iżjed diversifikata.

Huwa stqarr: “Is-sabiħ tal-ekonomija Maltija u propju s-saħħa tal-ekonomija maltija, jiġi mill-fatt li hija ekonomija diversifikata. Hawnhekk qegħdin nirrapreżentaw settur ieħor, dak tal-industrija marittima li huwa settur b’saħħtu ħafna għall-ekonomija Maltija. Iħaddem ‘il fuq minn 15,000 persuna b’mod dirett u allura b’investimenti bħal dan fl-eqqel tal-pandemija jkomplu juru s-saħħa u l-potenzjal li din l-industrija għandha.”

Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega kif f’pajjiżna dan is-settur għandu potenzjal qawwi. Għalhekk stqarr li l-ispazju limitat li għandna f’pajjiżna irid ikun użat sew.

Huwa tenna: “Rajna hawnhekk kemm iħaddmu Maltin, anke barranin però magġġor parti assoluta ta’ ħaddiema Maltin. Ħafna minnhom eks tarznari illi qed jgħaddu l-esperjenza tagħhom anke liż-żgħażagħ. Però rridu li l-ispazju jiġi utilizzat sew u allura deċiżjonijiet illi ħadna biex innaddfu fejn hemm spazju utilizzat ħażin imma nagħtu lil kull operatur, jiena ċert li kull operatur irid l-istess ġid u interess, allura l-ispazju u s-sapport kollu meħtieġ.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend