Il-Ħamis filgħodu fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, is-suspettat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’awla disgħa quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, xehed is-Supretendent Keith Arnaud, fejn spjega kif Fenech allegatament beda jippjana biex jitlaq minn Malta sigħat qabel ma ġie arrestat. Intqal kif Fenech ipprova jitkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u wara ma’ xi ħadd barrani biex itir lejn Nizza.
Arnaud qal li kollox beda minn informazzjoni li rċevew l-uffiċjali fil-każ li Yorgen Fenech allegatament qed jippjana biex jaħrab mill-pajjiż.
Hawnhekk qal li hu ma riedx jieħu ċ-ċans u għalhekk wettqu l-arrest fil-marina ta’ Portomaso.
Fix-xhieda Arnaud qal li l-biża’ li l-akkużat seta’ jaħrab minn Malta ġiet meta wara l-arrest raw iċ-chats ta’ Fenech ma’ zijuh Ray Fenech.
Arnaud qal li mhux jiftakar din l-informazzjoni.Arnaud ikkonferma kif qabel ma ġie arrestat, Fenech ma kellu l-ebda obbligu li jibqa’ Malta għax ma kellu l-ebda kundizzjonijiet imposti fuqu. Infatti ftit jiem qabel kien barra minn Malta u wara irritorna.
Wara li ġie mistoqsi mill-Parte Civile, Keith Arnaud qal li kien hemm chat bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat iżda din kienet chat li ma kellha x’taqsam xejn mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Intant, fuq il-pedana tax-xhieda tela’ jixhed ukoll iben Daphne Caruana Galizia, Matthew Caruana Galizia.
Hawnekk huwa ppreżenta l-emails kollha li għamel referenza għalihom fix-xhieda biex jingħataw bi prova lill-Qorti.
Dawn l-emails kienu dwar l-aħħar xogħol li kienet qed taħdem fuq Daphne Caruana Galizia.