Il-President ta’ Malta George Vella qal li l-ħidma li qed issir favur il-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà u l-ħarsien tal-ambjent fid-dinja tal-lum, jistħoqqilha żżomm fiċ-ċentru tagħha r-reputazzjoni tal-pajjiż anke fuq livell internazzjonali.
Meta, flimkien mas-Sinjura Vella, kien qed iżur l-aġenzija responsabbli għall-ambjent u r-riżorsi fil-gżejjer Maltin, l-ERA, il-President faħħar ix-xogħol siewi li qed twettaq l-aġenzija u rrikonoxxa r-responsabbiltà kbira li din għandha fis-soċjetà tagħna. L-ambjent huwa suġġett li jqanqal ħafna interess u reazzjonijiet mill-pubbliku u għaldaqstant l-aġenzija għandha rwol ċentrali fil-ħajja ta’ kuljum.
Saħaq illi r-rilevanza tal-ħidma tal-aġenzija ma tiqafx biss fuq livell nazzjonali, iżda hija fundamentali wkoll sabiex il-pajjiż jikkontribwixxi għal għanijiet stabbiliti b’mod globali, bħalma huma l-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Maqgħuda. Hawnhekk semma t-tibdil fil-klima u sfidi ambjentali oħra relatati, bħat-temperaturi għoljin, il-livell tal-ilma, it-theddida fil-konfront ta’ eluf ta’ speċi fid-dinja u r-rimi bla kontroll.
Il-President elenka inizjattivi riċenti tal-aġenzija, fosthom it-tfassil tal-Istrateġija Nazzjonali dwar l-Ambjent li se sservi ta’ qafas għal pjanijiet, politika u programmi nazzjonali, u faħħar il-mod kif din l-istrateġija qed tħares lejn il-futur b’mod li tiżgura ppjanar sostenibbli.
Waqt din iż-żjara, indirizzaw lil dawk preżenti wkoll il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, iċ-Chairperson tal-ERA l-Professur Victor Axiaq, u l-Kap Eżekuttiv tal-ERA l-Perit Michelle Piccinino. Fi tmiem iż-żjara, l-ERA ppreżentat donazzjoni lill-President u s-Sinjura Vella b’risq The Malta Community Chest Fund Foundation.
Ritratt: OPR