Notifiki

Aktar minn 120 immigrant ġew rilokati lejn pajjiżi oħra tal-UE f’Jannar

Dan ix-xahar aktar minn120 immigrant ieħor ġew rilokati għall-pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern fi stqarrija fejn spjega li issa dawn l-immigranti se jkomplu bit-talba tagħhom għall-ażil fil-pajjiżi li pparteċipaw fil-proċess ta’ rilokazzjoni.

Il-Gvern qal li proċessi ta’ rilokazzjoni kienu koordinati mill-Kummissjoni Ewropea wara t-talbiet ta’ Malta biex ikun hemm qsim tar-responsabbiltà f’każijiet fejn immigranti irregolari jidħlu fl-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern fakkar li kemm qabel u kemm waqt ir-rilokazzjoni ittieħdu l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni marbuta mal-imxija.

Waqt Kunsill Informali bejn il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri tenna l-istrateġija tal-Gvern Malti dwar l-immigrazzjoni.

Huwa emfasizza l-bżonn ta’ iktar proċessi ta’ rilokazzjoni, flimkien ma’ appoġġ lill-pajjiżi ta’ oriġinu u tranżitu.

Il-Ministru Camilleri saħaq li r-rilokazzjoni trid tkun parti mill-politika Ewropea tal-immigrazzjoni, flimkien ma’ iktar progress fuq id-dimensjoni esterna fid-dawl tar-ritorn u l-prevenzjoni tal-wasliet.

L-eżerċizzji ta’ rilokazzjoni kienu koordinati minn uffiċjali tal-Ministeru għall-Intern u l-istess ministeri f’pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea.

It-tħejjijiet involvew l-assistenza tat-Taqsima tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija, l-organizzazzjoni internazzjonali tal-migrazzjoni (IOM) u l-Uffiċċju tal-Appoġġ għall-Ażil tal-Unjoni Ewropea (EASO).

Ir-rilokazzjoni kienet kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea fosthom mill-fond ta’ assistenza ta’ emerġenza taħt il-Fond għall-Ażil, Migrazzjoni u Integrazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend