Delegazzjoni Libjana f’Malta għal taħditiet dwar kooperazzjoni fis-settur edukattiv – One News

Notifiki

Delegazzjoni Libjana f’Malta għal taħditiet dwar kooperazzjoni fis-settur edukattiv

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana kellha laqgħa ta’ kortesija ma’ delegazzjoni Libjana mmexxija mis-Sottosegretarju Adel Amori G.A. li tinsab f’Malta għal taħditiet dwar il-kooperazzjoni fis-settur edukattiv. Din iż-żjara tirreċiproka żjara mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fi Tripli f’Diċembru li għadda.

Matul il-laqgħa, il-Ministru Caruana fakkret fiż-żjara fi Tripli u fid-diskussjonijiet li saru mal-Ministru għall-Edukazzjoni Othman Abdul, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Mohamed Siyala, u d-Deputat Prim Ministru Ahmed Maiteeq.

Matul iż-żjara fil-Libja, il-Gvern Malti offra kooperazzjoni mill-Università ta’ Malta u mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija fit-tagħlim tal-Ingliż, kif ukoll permezz ta’ programmi edukattivi li jibnu l-ħiliet u l-valuri personali li jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol u biex il-problemi u t-tilwim jissolvew mingħajr vjolenza.

Id-delegazzjoni Libjana tinsab Malta biex tiffinalizza t-taħditiet mibdija fi Tripli.

Il-Ministru Caruana tenniet li Malta u l-Libja għandhom storja twila ta’ ħbiberija u kooperazzjoni, u li Malta hija ħerqana li ssaħħaħ ir-rabtiet bejn iż-żewġ pajjiżi. F’dan il-kuntest, il-Ministru Caruana enfasizzat il-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-importanza li jkollna Libja paċifika u prospera f’idejn il-Libjani. Hija rrikonoxxiet l-importanza tar-rwol ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ aċċessibbli u ekwitabbli fl-iżvilupp tar-riżorsi umani biex iċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod produttiv u kreattiv fl-ekonomija globali, bbażata fuq l-għarfien tal-lum. F’dan ir-rigward, il-Ministru Caruana laqgħet l-interess komuni li ilu jeżisti fil-kooperazzjoni fl-oqsma kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala parti minn kooperazzjoni usa’ li diġà teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi.

“Malta tħares ‘il quddiem lejn impenn u kooperazzjoni akbar f’dan il-qasam li jistgħu jipproduċu riżultati tanġibbli ta’ benefiċċju reċiproku għaż-żewġ naħat”, qalet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Hija sostniet: “Għalhekk aħna nħarsu ‘l quddiem lejn il-qsim ta’ esperjenzi fl-edukazzjoni u billi nibnu fuq prattiċi promettenti, ħalli tkun tista’ tinbena ġenerazzjoni li tkun edukata u mħejjija sew biex taħdem u ssaħħaħ l-ekonomija u l-kultura tal-pajjiżi rispettivi”.

Il-Ministru Caruana tat ukoll ħarsa lejn is-sistemi u l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna, qabel ma awgurat taħditiet siewja matul iż-żjara tad-delegazzjoni u għal aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend