Notifiki

ESKLUSSIVA: Allegat każ ta’ stupru fuq abbati minn żewġ qassisin f’Għawdex

Żewġ membri tal-kleru minn Għawdex qed ikunu investigati b’rabta ma’ każ ta’ stupru fuq abbati.

Għalkemm jidher li l-investigazzjonijiet tal-pulizija fil-konfront taż-żewġ qassisin intensifikaw fl-aħħar jiem, ONE NEWS huwa nfurmat li dan il-każ mhuwiex wieħed riċenti. Fil-fatt, is-sorsi tagħna fil-Kurja tal-Isqof ikkonfermaw li kien hemm allegazzjonijiet fuq episodji li jmorru lura diversi snin.

Minkejja dan minn tagħrif miksub minn imkejje viċin l-investigazzjonijiet tal-pulizija jirriżulta li l-każ huwa wieħed li għadu jista’ jitressaq quddiem il-ġustizzja u l-pulizija qed taħdem biex ikollha każ b’saħħtu biżżejjed bit-tama li tressaq liż-żewġ qassisin il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Jirriżulta li ż-żewġ qassisin iġibu l-istess isem, għalkemm kunjom differenti u meta jitressqu mistennija jiffaċjaw iktar minn akkuża waħda.

Din mhux l-ewwel darba li f’Għawdex tfaċċaw każi ta’ abbuż minn membri ta’ ordnijiet reliġjużi. Fl-imgħoddi każi simili kien jinvolvu kemm qassisin u sorijiet.

AĠĠORNAT

Intant, ftit tal-minuti wara li One News ippublika din l-istorja, stqarrija tal-Pulizija kkonfermat dan u qalet li ż-żewġ persuni kienu arrestati lbieraħ u matul il-ġurnata tal-lum kienu nterrogati fit-tul fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana.

Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara rapport li sar lis-Safeguarding Commission fi ħdan il-Kurja.

Iż-żewġ membri tal-kleru se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti t’Għawdex għada fit-tmienja u nofs ta’ filgħodu, quddiem il-Maġistrat Dr Monica Vella.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend