Żewġt irġiel arrestati wara li allegatament inqabdu bid-droga fi ġnien fil-Marsa – One News

Notifiki

Żewġt irġiel arrestati wara li allegatament inqabdu bid-droga fi ġnien fil-Marsa

Waqt diversi rondi mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit, ġew arrestati żewġt irġiel b’rabta ma’ pussess tad-droga.

L-arresti saru s-Sibt filgħaxija għall-ħabta tas-sebgħa, meta l-Pulizija raw żewġ persuni jaġixxu b’mod suspettuż fl-akkwati ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa.

Fi tfittxija li saret fuq wieħed mill-irġiel, ta’ sebgħa u tletin sena min-Niġer li jgħix Wied il-Għajn, instabu għaxar qratas b’sustanza suspettata droga kannabis, allegatament biex jiġu traffikati.

Fuq ir-raġel l-ieħor, ta’ erbgħa u għoxrin sena min-Niġerja, instabet sustanza suspettata droga kannabis.

Iż-żewġt irġiel ġew arrestati u qed jinżammu fil-lock-up tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

F’iżjed rondi mill-istess taqsima tal-Pulizija f’diversi toroq u ġonna fil-Marsa u l-Ħamrun, inħarġu numru ta’ kontravenzjonijiet fosthom lil persuna li ma kinitx liebsa maskra, persuna oħra li kienet qed tixrob l-alkoħol fit-triq, u dwar ksur ta’ regolamenti tat-traffiku.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend