Jaqsam l-istorja tiegħu biex iwissi lil dawk mirkuba mid-droga – One News

Notifiki

Jaqsam l-istorja tiegħu biex iwissi lil dawk mirkuba mid-droga

Għal ħafna persuni li nħakkmu mill-vizzju tad-droga, il-Komunità Santa Marija hija l-oasi fid-deżert li toffrilhom tama.

Resident fil-programm ta’ rijabilitazzjoni li toffri l-Komunità Santa Marija, Toni Dawson, saħansitra qal li bl-għajnuna li joffru, kulħadd jista’ jegħleb dan il-vizzju.

Dawson irrakkonta li kien ilu juża s-sustanzi mindu kellu tlettax-il sena, u maż-żmien dar għal sustanzi aktar qawwija bħall-eroina u l-kokaina. Is-snin twal ta’ dipendenza fuq id-droga waqqgħuh f’dipressjoni, u Toni kompla juża sustanzi b’saħħithom.

Dan iċ-ċirku vizzjuż wasslu biex ifittex l-għajnuna, u l-imħabba li sab f’dan iċ-ċentru stess hija, fi kliemu, l-iktar imħabba b’saħħitha li qatt ħass f’ħajtu.

Iċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni joffri kura għall-vizzju tad-drogi b’diversi modi, fosthom sessjonijiet ta’ terapija ma’ grupp u anke individwalment.

Huwa għalaq b’appell biex speċjalment iż-żgħażagħ li jaħsbu li ma fiha xejn ħazin li jesperimentaw b’xi sustanza, ma jagħmlux dan l-iżball.

Qal kif, “Min qed jieħu tliet toroq għandu. Jew il-ħabs, jew mewt jew programm, waħda minn dawk it-tlieta. Il-programm tista’ tagħzlu inti. L-għajnuna, m’għandekx għalfejn tistħi biex tistaqsi għaliha, xi darba jew oħra se tagħmilha. Jaqbillek taqbad u tibda. Mhijiex faċli, għal ħadd mhi faċli imma meta tibda, fl-aħħar mill-aħħar jaqbillek. Mirakli ma jsirux, mhi faċli xejn imma bl-għajnuna li hawn illum kulħadd kapaċi jagħmilha. Min vera jrid jagħmilha jista’ jagħmilha llum.”

Riċenti sar proġett ta’ rinovar u mmodernizzar tal-kmamar f’din il-komunità. L-akbar investiment sar propju għall-fażi aħħarija tal-programm ta’ rijabilitazzjoni fejn tpoġġiet għamara, kċina u gym ġdid fost oħrajn.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend