“Gvern għan-nies li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet” – il-PM – One News

Notifiki

“Gvern għan-nies li ma jiddejjaqx jieħu d-deċiżjonijiet” – il-PM

Gvern onest, għan-nies u li lest jieħu d-deċiżjonijiet.

Kliem il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika l-Ħadd filgħodu f’Ħal Tarxien, fi tmiem ġimgħa li l-Gvern immexxi minnu niżel f’diversi komunitajiet jiltaqa’ mar-residenti, bħala parti mill-kampanja Gvern għan-Nies.

Qal, “Għamilt wegħda magħkom li se tibdew tarawna iżjed magħkom fil-komunità, se tibdew taraw Gvern li jinżel fil-komunitajiet biex jgħix u jħoss l-esperjenzi tagħkom u bdejna mminn din il-ġimgħa.”

Ftit jiem wara l-Kunsill Ewropew li sar b’mod virtwali, Robert Abela qal kif sema’ l-problemi enormi li għaddejjin minnhom bħalissa bosta pajjiżi, u għalhekk huwa importanti li napprezzaw kemm pajjiżna mexa tajjeb u qed ngħixu normalità b’restrizzjonijiet.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru rrefera għall-bidu tad-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi dwar l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

B’din l-Awtorità, in-nies se jingħataw aktar prijorità, speċjalment dawk milquta minn kwalunkwe tip ta’ żvilupp.

Spjega, “Mhux lest nistenna iżjed u għaliex se nagħmlu dawn ir-riformi ma jfissirx li se nnaqqsu r-ritmu ekonomiku. Anzi ħa nkunu qed noħolqu settur aktar sostenibbli u s-sostenibbiltà tiegħu tkun aktar għat-tul.”

B’sodisfazzjon u determinazzjoni għall-ġejjieni, Robert Abela nnota kif grazzi għall-ħidma sfieqa tal-Korp tal-Pulizija, naqset ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna.

Qal kif, “Pajjiżna rreġistra tnaqqis ta’ 2500 rapport fl-għases tagħna meta kkumparat mas-sena li għaddiet u dan juri sinjal wieħed. Li l-istrateġija ta’ prevenzjoni tar-reati qed taħdem u kif qed taħdem? Li kellna preżenza qawwija ta’ Pulizija fit-toroq tagħna.”

B’ton ta’ tama u kuraġġ, Robert Abela qal kif il-ġimgħat li ġejjin huma ta’ sagrifiċċju iżda jħares ’il quddiem biex naħarbu niġru f’diversi oqsma.

Hawnekk ħabbar li fil-jiem li ġejjin se jingħataw id-dettalji ta’ kif se taħdem l-iskema finanzjara għas-sidien tal-bars u l-każini.

Sostna, “Se nħabbru l-mod ta’ kif qed ikun jitqassam l-ammont allokat u sakemm dan is-settur jibqa’ magħluq se nibqgħu attenti li naraw li ma jkollniex lil min ifalli, se nibqgħu magħhom u din hija l-wegħda li nagħmel lill-operaturi tal-bars u tal-każini kollha li se nibqgħu magħhom u se naraw ukoll li issa għall-ġimgħat li ġejjin sakemm dan is-settur jiftaħ, aħna se nibqgħu hemm u nkunu ta’ sostenn.”

Il-Prim Ministru semma wkoll il-ħatra ta’ Samantha Pace Gasan bħala t-tieni Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità f’pajjiżna, u qal li dan jibgħat messaġġ b’saħħtu għal aktar ħidma f’dan is-settur.

Ritratt: Gareth Degiorgio

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend