Il-Prim Ministru jżur investiment ta’ €50 miljun li qed isir f’Simonds Farsons Cisk u Trident Estates – One News

Notifiki

Il-Prim Ministru jżur investiment ta’ €50 miljun li qed isir f’Simonds Farsons Cisk u Trident Estates

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri Silvio Schembri u Aaron Farrugia żaru investiment ta’ ħamsin miljun ewro li qed isir fil-faċilitajiet tal-kumpaniji Simonds Farsons Cisk u Trident Estates fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel. Il-proġett issa se jkun il-bażi ta’ madwar elf u ħames mitt ħaddiem.

Iċ-Chairman tal-kumpanija, Louis Farrugia, spjega wkoll investiment ta’ ħamsin miljun ewro li qed isir fi Trident Park, biex sit tal-Ħamsinijiet jinbidel f’kampus ta’ uffiċini sostenibbli. Il-proġett huwa wieħed aħdar sal-qalba tiegħu, b’inqas minn nofs l-art disponibbli se tkun iddedikata għall-parkeġġ.

Id-disinn ta’ dan il-proġett huwa ispirat mill-palazzi tradizzjonali Maltin bi btieħi interni li jipprovdu arja friska u dawl naturali għall-interjuri tal-bini. Faċilitajiet oħra disponibbli għall-inkwilini se jinkludu wkoll ċentri għall-ħarsien tat-tfal, ħwienet tal-ikel u x-xorb u faċilitajiet għall-konferenzi.

Hu u jara l-aħħar faċilitajiet mat-tmexxija tal-kumpanija, il-Prim Ministru Abela seta’ jara wkoll investimenti attwali li saru fil-birrerija l-qadima.

Hawnhekk wera sodisfazzjon għall-mod kif il-kumpanija evolviet u hija xempju perfett ta’ kif kull negozju f’pajjiżna għandu jaspira li jilħaq l-ogħla livell ta’ suċċess. Innota wkoll li t-tmexxija tal-kumpanija apprezzat l-għajnuna finanzjarja li offra l-Gvern permezz tal-wage supplement.

Il-Ministru Aaron Farrugia qal li l-laqgħa kienet ħarsa lejn il-futur ta’ pajjiżna bi proġett iffukat fuq bini modern, sostenibbli u li jilqa’ għat-tibdil fil-klima, fi sfond ta’ diskussjonijiet dwar l-ekonomija ċirkolari li pajjiżna qed iħaddan u li l-Gvern qed jixpruna.

Il-Ministru Silvio Schembri nnota li għal dawn l-aħħar 90 sena, din il-kumpanija kontinwament uriet reżiljenza u baqgħet pijuniera biex taġġorna l-operat tagħha mal-iżviluppi tat-teknoloġija moderna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend