Ara lil Bernard Grech aggressiv u jsabbat waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali  – One News

Notifiki

Ara lil Bernard Grech aggressiv u jsabbat waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħareġ għonqu għas-sieħba ta’ Simon Busuttil, Kristina Chetcuti wara li ħarġet tattakka lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Bernard Grech għamel dan waqt intervista li xxandret fuq l-istazzjon nazzjonali u li ħarġet il-kuluri vera tal-Kap meta jkun taħt pressjoni biex jagħti t-tweġibiet.

Wara li Kristina Chetcuti qalet li l-Professur Gauci missha tmur tixrob ix-xampanja u akkużata b’diskors pompuż bħal dak tal-House of Lords, Bernard Grech ħareġ jiddefendiha.

Grech qal, “Jekk ħa noqogħdu nattakkaw lil persuni għaliex jiktbu xi ħaġa,”

Il-Preżentatur stqarr: “Jien nistaqsik qiegħed mhux nattakka.”

Grech tenna:“Le le mhux inti. Inti qed tikkwota lil xi ħadd ieħor li qed jipprova jattakka.”

Il-Preżentatur sostna: ”Jien qed nikkwota artiklu li nkiteb fit-Times.”

Huwa ddefenda wkoll lid-Deputat Nazzjonalista Maria Deguara għad-dikjarazzjoni tagħha dwar li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni.

Meta kien mistoqsi: “L-esperti kollha tas-saħħa anke barra minn Malta qed jgħidu isma’ t-tilqima hija s-soluzzjoni biex negħlbu l-pandemija. Dr Deguara minħabba dan il-kumment ġbidtilha l-attenzjoni, ġiet imċanfra minnek?”

Grech wieġeb: “X’qalet ħażin?”

Intant jekk kien hemm bżonn ta’ konferma oħra dwar ir-rabtiet ta’ Bernard Grech mal-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, it-telespettaturi ma tantx damu jistennew.

Grech beda billi għamel eloġju favur Louis Galea, li diversi sorsi rrappurtaw li reġa’ għandu uffiċċju fid-Dar Ċentrali.

Huwa sostna: “Louis Galea kulħadd jaf min hu. Louis Galea huwa persuna li ta ħafna lill-Partit Nazzjonalista. Huwa bniedem validissimu, kien validissimu u għadu validissimu.”

Grech ikkonferma wkoll kif Ray Bezzina qed jaħdem fl-uffiċċju tiegħu.

L-istess Bezzina, l-eks Chief of Staff tal-eks Ministru George Pullicino u esponent ewlieni tal-għaqda Repubblika kien involut f’ingaġġ skandaluż fil-WasteServ fi żmien il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi hekk kif deher f’ħafna mill-emails żvelati mill-Maltatoday tliet snin ilu.

Grech saħaq: “Ray Bezzina huwa wieħed mill-persuni kapaċi li jiena fdajt li jkunu qed jgħinuni fl-uffiċċju. Ħadd ma naqtgħulu rasu minn qabel għaliex xi darba jew oħra f’ħajtu jidhirlu li għandu opinjoni hemm barra.”

Fil-fatt fl-irkejjen tad-Dar Ċentrali kien qed ikun irrappurtat ġlied u tgergir kbir hekk kif f’ħafna sitwazzjonijiet kien Ray Bezzina waħdu li beda jagħżel u jitkellem mad-deputati dwar ix-shadow cabinet.

Mistoqsi dwar dan, Bernard Grech viżibilment skomdu qal hekk.

Meta l-Preżentatur qal, “Ir-reshuffle kien hemm għallinqas dak irrapurtat trikki trakki mhux ħażin.”

Grech stqarr: “Mela l-ewwel nett ma hu veru xejn li kien hemm it-trikki trakki. Ma hu veru xejn li kien hemm xi ħadd li sabbat u ħareġ il-bieb. Kien eżerċizzju tajjeb u li ħalla ħafna frott.”

Fuq il-programm Insights, Bernard Grech ħareġ ukoll ifaħħar lill-għaqdiet Repubblika u Occupy Justice.

Huwa qal, “Jekk inti ssemmilli l-Occupy Justice, issemmili Repubblika, dawn huma żewġ entitajiet, żewġ NGOs li propju kienu parti mis-soċjetà ċivili u li kienu strumentali għal dan il-pajjiż.”

Kien hawnhekk li l-pressjoni bdiet tagħmel tagħha fuq Bernard Grech u beda jkun aggressiv fil-konfront tal-ġurnalist għaliex beda jsaqsih il-mistoqsijiet.

Grech tenna: “Is-sorsi tiegħek ma tindirizzahomx biss mill-istess qoffa tajjeb naħseb li qed tkun ftit hawnhekk mhux biżżejjed miftuħ għar-realtà u għall-fatti.”

“Nifhem li l-ONE News u l-ONE TV ixandar din it-tip ta’ narrattiva imma hawnhekk qegħdin fuq l-istazzjon nazzjonali.”

“Qed taqbadli domanda, ħa nweġibha ta’, però  importanti fuq national television għal darb’oħra nerġa’ niġbidlek l-attenzjoni li din hija l-unika domanda li saqsewni l-ONE TV hawn isfel propju din il-ġimgħa fuq Kristina Chetcuti.”

Meta reġa’ kien mistoqsi: “Xi proposti konkreti ħareġ sa issa għax jidher li għadhom ma rawx id-dawl tax-xemx dawn?”

Grech wieġeb: “Mela jidher anke hawnhekk allura, id-domandi loaded hekk nifhimhom li jkunu loaded ta’ però nerġa’ nfakkrek li dan huwa l-istazzjon pubbliku.”

“Għaddew kważi 40 minuta minn dan il-programm u għadna ma tkellimna fuq xejn.”

Il-pressjoni kompliet tagħmel tagħha u Bernard Grech reġa’ attakka lill-ġurnalist.

Grech sostna: “Ejjew anke bħala ġurnalisti nkunu aktar maturi.”

Il-Preżentatur staqsa lil Grech: “Qed tgħidli li jiena m’iniex matur lanqas jiġifieri?”

Grech qallu, “Le le jien għidtlek ejja nkunu aktar maturi.”

Sakemm fl-aħħar tal-programm Bernard Grech tilifha kompletament u spiċċa jsabbat fuq il-mejda.

Grech saħaq: “Minn dan biss jinteressak inti? Minn dan biss?

Il-Preżentatur sostna: “Qed nistaqsik l-mistoqsijiet li qed isaqqsu n-nies.”

Grech kompla: “Hekk qed isaqqsu n-nies? Ħa ngħidlek x’qed isaqqsu n-nies!”

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Ghandu ragun jghid nardu li hu grieg.Grieg taz zmien il kulunelli gjax dawk kienu nies li taghhom u li jghidu huma biss tajjeb

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend