Notifiki

Salva persuna li nqabad ġo karozza f’qiegħ il-baħar għal għoxrin minuta

Fl-aħħar, xogħolna qed jiġi stmat.

Kliem il-President tal-Unjin tal-Protezzjoni Ċivili, David Cassar, li tkellem ma’ dan l-istazzjon fix-xahar li mitejn u sebgħin ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili bdew jaqtgħu l-frott tal-ftehim kollettiv li kien iffirmat f’Novembru li għadda.

Fost il-benefiċċji f’dan il-ftehim, għall-ewwel darba, il-ħaddiema bdew igawdu minn ġimgħa xogħol ta’ erbgħin siegħa minflok ta’ sitta u erbgħin u allura iktar ħin ta’ kwalità mal-familja.

Qal kif, “Ilna għal dawn l-aħħar tnejn u għoxrin sena aħna bil-46 hours. Xi ħaġa li kienet tweġġagħni li għalfejn aħna għax Korp Dixxiplinat, għandna nbatu, meta ħaddiema taċ-ċivil jaħdmu erbgħin siegħa? U lanqas konna qed nitħallsu ta’ dawk is-sitt sigħat fil-ġimgħa żejda.”

Is-Sur Cassar qal li r-rieda tal-Gvern li jitwettaq dan il-ftehim kienet ċara mill-bidu.

Spjega li, “Meta inti f’nofs pandemija, qed titkellem fuq sectoral agreement, aħna stess bdejna nħossuna daqsxejn skomdi, imma meta tkellimna anki mal-Prim Ministru, ried li biex ix-xogħol tagħna jiġi stmat, uriena li ried ikompli jaħdem jiġifieri dan napprezzawh ħafna aħna.”

Fi tnejn u għoxrin sena ta’ esperjenzi, kultant ta’ sogru, David kellimna dwar waħda partikolari li mhu se jinsa qatt.

Qal, “Kien hemm persuna waqgħet il-baħar. Kien fl-erbgħa ta’ filgħodu, waqa’ u nqabad ġol-karozza f’qiegħ il-baħar. Għamel għoxrin minuta fil-qiegħ tal-baħar jiġifieri kważi kważi kien miraklu. Jiena mort fuq il-post mal-kollega tiegħi dak iż-żmien u kienet iebsa ħafna għax kien maqbud ġo karozza u rnexxieli noħorġu.”

Għal kull min hu interessat jissieħeb mal-Protezzjoni Ċivili, is-Sur Cassar kellu biss kliem ta’ tifħir u kuraġġ, speċjalment issa li hemm kundizzjonijiet ħafna aħjar.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend