Mijiet ta’ bdiewa jgawdu minn proġett li jwassal l-ilma fl-għelieqi – One News

Notifiki

Mijiet ta’ bdiewa jgawdu minn proġett li jwassal l-ilma fl-għelieqi

It-tkabbir fin-network tal-proġett tan-new water li qed isir fl-Imġarr se jkun qed iwassal ilma għand 700 bidwi li għandhom l-għelieqi fit-Tramuntana ta’ Malta.

Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli żaret ix-xogħlijiet li qed isiru fl-Imġarr b’investiment ta’ żewġ miljun ewro mill-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea.

B’sistema innovattiva, il-bdiewa jingħataw cards elettroniċi biex jieħdu l-ilma fi proporzjon mal-ammont ta’ art li jaħdmu. Il-manager inkarigata minn dan il-proġett spjegat dwar is-sistema li qed tiġi nstallata.

Qalet kif, “B’kollox ħa jkun hawn mas-sitt kilometri ta’ main hawnhekk u fuq dil-phase speċjalemt ħa jkun hawn wieħed u ħamsin dispenser li magħhom il-bdiewa jistgħu jqabbdu l-pajpijiet tagħhom u jieħdu l-ilma. Apparti il-mainijiet tan-new water ħa ngħaddu wkoll cables tal-fibre optic kif ukoll xi mainijiet tal-portable water, l-ilma li jidħol fil-vit.”

Fil-fatt il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Ivan Falzon qal li l-proġett tan-‘new water’ qed ikun sors ta’ ħajja għall-bdiewa u mill-bidu ta’ dan il-proġett mijiet ta’ bdiewa bdew jibbenefikaw minn provvista ta’ ilma b’salinità baxxa biex b’hekk twalet il-ħajja tal-ħxejjex u l-produzzjoni kienet akbar u varjata.

Fil-fatt, ħafna bdiewa bdew ikabbru aktar minn prodott wieħed u dan minħabba li n-‘new water’ m’għandux impatt negattiv fuq il-fertilità tal-ħamrija.

Fi żjara tagħha fil-post, il-Ministru Dalli qalet li b’dan il-mod il-mod il-bdiewa jistgħu jużaw l-għelieqi tagħhom biex ikabbru aktar ħxejjex u frott fuq aktar tul ta’ żmien.

Spjegat, “Il-Gvern huwa impenjat biex ikompli jestendi n-network ta’ new water biex jasal għand aktar bdiewa għat-tisqija tagħhom. Filfatt il-Water Services Corporation qiegħda tinvesti, u qiegħda tinvesti bil-kbir f’din is-sistema għaliex nemmnu li b’dan il-mod inkunu nistgħu nagħtu aktar ilma tajjeb lil aktar bdiewa b’mod li huwa ambjentalment sostenibbli.”

Dan it-tkabbir qed isir ukoll f’Għawdex u fin-Nofsinhar ta’ Malta.  F’Għawdex in-numru ta’ bdiewa li qed jibbenefikaw minn dan il-proġett se jiżdiedu bi kważi mitt bidwi: minn 330 għal 420, filwaqt li fin-nofsinhar ta’ Malta se jkunu mas-700 bidwi li se jkunu qed jieħdu l-frott minn dan il-proġett.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend