Fi stqarrija l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħabbar li llum il-komunità internazzjonali qed tiċċelebra d-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni tal-Armi Nukleari (TPNW). Malta ffirmat it-Trattat fil-21 ta’ Settembru 2020, u kienet fost l-ewwel ħamsin stat li għamlu dan biex effettivament it-trattat seta’ jidħol fis-seħħ.
Dan huwa l-ewwel ftehim internazzjonali li legalment jorbot u jipprojbixxi lill-istati firmatarji milli jiżviluppaw, jittestjaw, jipproduċu, jaħżnu, jistazzjonaw, jittrasferixxu, u jużaw jew jheddu li jużaw armi nukleari.
F’messaġġ virtwali waqt avveniment kommemorattiv tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo faħħar dan il-mument storiku u tenna l-impenn sod ta’ Malta favur il-kisba tal-prosperità permezz tal-paċi. Huwa feraħ lill-istati kollha firmatarji talli permezz tat-Trattat qed iwasslu messaġġ politiku qawwi ta’ tama lill-ġenerazzjonijiet futuri.
Filwaqt li fakkar fit-telf traġiku ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ħajjiet fil-bumbardamenti nukleari ta’ Hiroshima u Nagasaki fl-1945 u l-effetti devastanti ta’ wara, huwa tkellem ukoll dwar il-ħsara fit-tul li rriżultat mill-ittestjar nukleari fuq il-bnedmin u fuq l-ambjent. It-TPNW mhux biss ifittex li jirrimedja dan kollu, iżda jsaħħaħ ukoll in-normi politiċi u l-qafas legali kontra l-armi nukleari.
Il-Ministru kkonkluda li l-istati kollha li jirratifikaw it-TPNW għandhom responsabbiltà biex jibnu fuq dan l-isforz kollettiv u jaħdmu b’determinazzjoni biex jippromwovu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal dinja mingħajr armi nukleari.
Il-Papa Franġisku u diversi mexxejja internazzjonali oħra laqgħu d-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat, li wasal f’mument kruċjali hekk kif jaħbat mat-tmiem ta’ diversi trattati oħra relatati mad-diżarm.