Il-Maltin l-aktar ħerqana biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19 – One News

Notifiki

Il-Maltin l-aktar ħerqana biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19

Il-Maltin u l-Għawdxin huma l-aktar nies fl-Unjoni Ewropea li qed jistennew bil-ħerqa biex jitlaqqmu kontra l-COVID-19.

Dan joħroġ minn studju tal-Ewrobarometru, li jindika li madwar erbgħa fil-mija biss tal-poplu Malti u Għawdxi ma jixtiqux jitlaqqmu.

L-istudju li sar f’Diċembru li għadda u li fih jiġbor ċittadini mis-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea, juri kif wieħed u erbgħin fil-mija tal-Maltin iridu jieħdu l-vaċċin malajr kemm jista’ jkun, ħamsa u għoxrin fil-mija tal-Maltin jixtiequ jieħdu l-vaċċin xi darba din is-sena u ħamsa u għoxrin fil-mija oħra qalu li se jieħdu t-tilqima maż-żmien.

L-istudju tal-Ewrobarometru jindika li aktar minn terz tal-Maltin flimkien ma’ l-Irlandiżi u d-Daniżi jridu jieħdu l-vaċċin kemm jista’ jkun malajar, filwaqt li terz taċ-ċittadini mill-Bulgarija u l-Islovenja ddikjaraw li ma jixtiqux jieħdu l-vaċċin.

Aktar minn żewġ terzi tal-Portugiżi, Spanjoli u Taljani huma inkwetati li jiġu nfettati bil-COVID-19. B’kuntrast ħamsa u tletin fil-mija taċ-Ċeki u tletin fil-mija tal-Isloveni jibżgħu li jiġu nfettati.

Malta kienet waħda mill-erba’ pajjiżi li għandha ċ-ċittadini tagħha li jafdaw l-Awtoritajiet tas-Saħħa, anke għall-fatt li dawn qed ikunu trasparenti magħhom dwar l-imxija.

Kważi disgħa minn għaxar persuni f’Malta jew sebgħa u tmenin fil-mija u aktar minn tlett kwarti fl-Irlanda, iċ-Ċipru u l-Portugall u l-Lussemburgu jaqblu li l-Unjoni Ewropea qed tilgħab rwol kruċjali biex tassigura li jkun hemm aċċess għall-vaċċin f’pajjiżhom.

Erbgħa u erbgħin fil-mija tal-Ewropej qalu wkoll li huma se jieħdu l-vaċċin wara li jaraw jekk din ma kellha l-ebda effett fuq ħaddieħor.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend