Notifiki

Il-Gvern qed jagħti €1.1M aktar biex jiġu mgħejjuna l-għaqdiet volontarji

Se tiġi estiża l-iskema tal-għajnuna tal-gvern fil-ħlas tal-pagi għall-Għaqdiet Volontari, magħrufa bħala Covid Wage Supplement, permezz ta’ miljun u mitt elf ewro addizzjonali.

Permezz ta’ dan, l-Organizzazzjonijiet Volontarji, ħa jkun allokati għalihom erba’ miljun u mitt elf ewro.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarajt, Mauro Pace Parascandalo, spjegalna kif taħdem din l-iskema li qed iżomm l-għaqdiet joperaw u jkunu ta’ ġid għas-soċjetà.

“Bażikament din l-iskema hija estiża ma’ dik li konna għamilna s-sena l-oħra minn Marzu sa Ottubru u issa qed nestenduha minn Ottubru sal-aħħar ta’ Marzu b’tali mod li dawn l-għaqdiet, speċjalment dawk li għandhom impjegati magħhom inkunu nistgħu nsostnuhom, jiġifieri jkun hemm dawk l-impjegati li bħala flus qed ngħinu bi skema paralleli ma’ dik tal- Malta Enterprise b’tali mod li lil dawn ngħinuhom fil-pagi.”

Hu żied jgħid ukoll li permezz ta’ dawn il-fondi, l-għaqdiet ħa jkunu jistgħu jħallsu wkoll kontijiet tad-dawl u tal-ilma.

Nora Macelli, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni St Jeanne Antide qaltilna kif din l-iskema kienet ta’ għajnuna kbira għall-fondazzjoni.

“U l-iskema tal-gvern għenitna biex għal dawn l-aħħar tmien xhur aħna nkomplu inħallsu s-salarji tagħna tal-professjonisti tagħna li mingħajrhom ma konniex nistgħu nilqgħu l-familji ġodda. Is-sena l-oħra lqajna tliet mija u sebgħin familja kif ukoll familji oħrajn li bqajna ngħinu minn snin oħrajn. Jiġifieri aħna bqajna għaddejjin b’kull mezz possibbli.”

Minn naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana saħaq li l-Gvern qed jirrikonoxxi ħidmet l-għaqdiet li kienet anki meħtieġa waqt l-imxija.

“Naħseb l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel il-gvern huwa li juri l-apprezzament tiegħu billi jkun spalla ma’ spalla ma’ min qiegħed jgħin fis-soċjetà tagħna. Għalhekk qiegħed ntennu l-appoġġ finanzjarju tal-gvern kif ukoll dak morali lil dawn l-għaqdiet sabiex nagħmlulhom kuraġġ ħalli matul din is-sena huma wkoll ikomplu bil-pjanijiet tagħhom fis-soċjetà tagħna.”

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-volontarjat, Clifton Grima, qal li l-Gvern qed isalvaw wkoll il-ħobża ta’ kuljum ta’ professjonisti li jaħdmu mal-għaqdiet u biex dawn ma jagħlqux.

“Ridna naħdmu id f’id biex propju nassiguraw l-eżistenza ta’ dan is-settur għax kellek għaqdiet li qalulna li ħa jkollhom jagħlqu l-bibien minħabba nuqqas ta’ dħul u rajna li nissalvagwardjaw dak li huma l-impjiegi.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend