Notifiki

Ifiqu 201 oħra mill-Covid-19 f’pajjiżna u jfeġġu 143 każ

Fl-aħħar sigħat, fiequ mitejn u persuna oħra mill-Coronavirus f’pajjiżna u feġġew mija u tlieta u erbgħin każ minn fost tlett elef, mija u ħdax-il test.

Dan ifisser li ħamsa u disgħin punt erbgħa fil-mija tat-testijiet li saru ġew negattivi, u erbgħa punt sitta fil-mija ġew pożittivi.

Sa issa, fiċ-ċentri ta’ ttestjar f’pajjiżna saru aktar minn ħamsa mija u tlieta u tmenin elf test.

Mindu beda jingħata l-vaċċin kontra l-COVID-19 f’Malta, ingħataw sittax-il elf, ħames mija u wieħed u tletin tilqima.

Fl-aħħar erbgħa u għoxrin siegħa mietu wkoll tliet anzjani nisa ta’ tnejn u disgħin sena, tlieta u disgħin sena u mitt sena.

Fil-bulettin mediku ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, tat rendikont tal-istrateġija tat-tilqim f’pajjiżna.

Qalet li ħafna mill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa diġà tlaqqmu, u miexi tajjeb ħafna wkoll il-proċess fid-djar tal-anzjani, b’uħud minnhom diġà bdew jingħataw it-tieni doża.

Ma’ dawn qed jitlaqqmu wkoll l-anzjani fil-komunità li għandhom aktar minn ħamsa u tmenin sena, u dawk li għal xi raġuni ma rċevewx l-istedina qed iċemplu u jingħataw appuntament.

Mill-ġimgħa d-dieħla se jibdew jitlaqqmu f’darhom l-anzjani li huma msieħba mal-CommCare.

It-tilqim qed jasal f’Malta kull nhar ta’ tnejn, u nofs il-kunsinja qed tinżamm biex tingħata t-tieni doża, filwaqt li l-kumplament biex jitlaqqmu aktar nies skont l-istrateġija.

Meta tkellmet dwar is-sitwazzjoni tal-imxija f’pajjiżna din il-ġimgħa, il-Professur Gauci qalet li l-ikbar każijiet fejn inxtered il-virus huma bejn il-membri tal-familja, bi 362 każ, segwiti mill-postijiet tax-xogħol b’110 każijiet.

L-aktar grupp ta’ età komuni ta’ infezzjonijiet ġodda din il-ġimgħa huwa dak ta’ persuni li għandhom bejn 25 sena u 34 sena.

L-appell hu biex kull min għandu xi sintomi jagħmel it-test, billi jċempel fuq il-helpline 111 jew minn fuq is-sit covidtest.gov.mt li f’inqas minn xahrejn intużat 9,500 darba.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend