B’investiment ta’ €3.7 miljun se tiġi riġenerata Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat – One News

Notifiki

B’investiment ta’ €3.7 miljun se tiġi riġenerata Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat

B’investiment ta’ madwar tlett miljun ewro u seba’ mitt elf se jiskatta proċess sabiex tiġi riġenerata Pjazza Santa Margerita f’Ta’ Sannat Għawdex.

Fost ix-xogħlijiet kruċjali li se jsiru hemm il-bini ta’ kanali biex minnhom jgħaddu s-servizzi kollha; bini ta’ kanali għall-ilma tax-xita; pavimentar u wiċċ ġdid għall-pjazza; arranġament tal-parkeġġ; żoni pedonali u l-mogħdija għat-traffiku u sistema ta’ dawl ġdida fost oħrajn.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri spjega kif dan il-ftehim flimkien mal-Kunsill Lokali Ta’ Sannat, se jara diversi xogħlijiet importanti li se jtejbu l-kwalità ta’ ħajja tar-residenti.

Il-Ministru Clint Camilleri spjega kif, wara li tranġat Triq Sannat u l-madwar, dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-pjazza huwa prijorità għall-Ministeru għal Għawdex u għall-Kunsill Lokali Ta’ Sannat sabiex titjieb l-aċċessibbiltà f’din il-pjazza.

“Pjazza li hija l-qalba tar-raħal ta’ Sannat bħal ma huma ħafna pjazez madwar il-Gżira Għawdxija u għaldaqstant ser inkomplu ninvestu bis-sħiħ fiċ-ċentru tal-irħula tagħna u issa kien propju jmiss li ninvestu fir-raħal ta’ Sannat.”

Din il-pjazza hija waħda mill-akbar żoni pubbliċi f’Għawdex, hekk kif apparti li fiha hemm il-Knisja pittoreska ta’ Santa Margerita, din isservi wkoll bħala triq prinċipali bejn Ta’ Ċenċ u Triq Dun Xand Aquilina.

Is-Sindku ta’ Ta’ Sannat Philip Vella qal li jħares ’il quddiem sabiex jibda dan il-proġett.

“Bħala Kunsill Lokali ilna naħdmu bis-sħiħ biex din il-ħolma iseħħ u llum propju grazzi għall-Ministru Camilleri ffirmajna dan il-ftehim storiku għar-raħal ta’ Sannat biex b’hekk se jkollna pjazza diċenti u li verament jixraq lill-poplu ta’ Sannat kollu.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend