Notifiki

Miexi ġmielu x-xogħol fuq iċ-Ċentru għall-Kura Primarja f’Raħal Ġdid

Miexi ġmielu x-xogħol fuq iċ-Ċentru ġdid għall-kura primarja fuq in-naħa ta’ isfel ta’ Malta.  Iċ-ċentru tas-Saħħa Reġjonali Ċensu Moran f’Raħal Ġdid ser ikun ix-xempju tal-kura primarja f’pajjiżna flimkien ma’ ċentru ieħor għan-naħa ta’ fuq ta’ pajjiżna.  Hekk stqarr id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema Gvern għan-Nies, fejn il-Gvern qed jinżel qalb il-komunitajiet u jisma’ x’għandhom xi jgħidu lin-nies.

Fearne spjega kif sa April il-bini tas-sular ta’ isfel mistenni jkun lest u imbagħad sa Ottubru jkomplu jinbnew il-ħames sulari, biex wara, dan iċ-ċentru jkun mgħammar bl-aħjar tagħmir mediku.

“Bħal ma wieħed jista’ jimmaġina ħafna mill-ħin u mill-isforzi f’dawn l-aħħar sena tad-dipartiment tas-saħħa kollu, kien iffukat fuq il-pandemija, fuq il-miżuri, fuq il-vaċċin, u issa biex inqassmu l-vaċċin. Hija operazzjoni loġistika kbira. Madankollu, xorta baqa’ għaddej dak ix-xogħol kollu li aħna mdorrijjin naraw għaddew fid-dipartiment tas-saħħa u proġetti ġodda.” 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne spjega kif f’dan iċ-Ċentru ser jingħataw servizzi ġodda fosthom dawk marbuta mas-saħħa mentali u d-dentistrija.  Hawnhekk innota kif permezz ta’ servizzi li jingħataw fil-komunità, blokka sħiħa mill-isptar Monte Karmeli ser tkun qed titwaqqa’ u flokha se jsir ġnien terapewtiku.

Huwa spjega kif fuq wara taċ-ċentru kellu jinbena ħajt sod li jifred iċ-Ċentru mill-ground tax-Schreiber.  Dan filwaqt li nstabu wkoll żewġ skavi storiċi, b’wieħed li jmur lura għal żmien ir-Rumani u xelter ta’ żmien il-Gwerra, li t-tnejn ser ikunu protetti.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr kif b’investiment ta’ tlieta u tletin miljun ewro ta’ fondi ewropej dan il-proġett ser ikun qed itejjeb is-servizz tas-saħħa.

“Dawn huma fondi li ġejjin mill-fond ta’ żvilupp reġjonali li jkompli jgħin biex intejbu l-kwalitá tal-ħajja tan-nies. Żgur li dan huwa proġett illi bl-assistenza wkoll ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea qed inkomplu nuru kemm dan huwa Gvern għan-nies illi joffri jsaħħaħ dawk is-servizzi li n-nies ikollhom bżonn fiż-żoni fejn jgħixu huma.” 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend