Tliet psikjatri qalu li l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma jista’ jkompli jixhed.
Dan wara rapport li sar fuq l-istat ta’ saħħet Theuma wara li f’Lulju li għadda nstab f’għadira demm hekk kif ipprova jweġġa’ lilu nnifsu.
Intant fil-Qorti nqalgħet kommossjoni sħiħa hekk kif l-aħwa Degorgio, akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, semmgħu leħinhom u qalu li d-drittijiet tagħhom qed jiġu miksurin.
Alfred u George Degiorgio għajtu mal-Maġistrat Claire Zammit Stafrace u qalu li huma qed jiġu trattati differenti minn akkużati oħrajn, fejn huma semmew lil Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fl-istess seduta George Degorgio ma naqasx jgħaddi kumment fuq id-Deputat Nazzjonalista, Jason Azzopardi, fejn irrefera għaż-żjara tiegħu f’Tel Aviv, fejn kien ħa kamra fil-lukanda lussuża Hilton mħallsa mill-grupp ta’ Tumas, immexxi minn Yorgen Fenech.
“Ksirtu d-drittijiet fundamentali tagħna. Basta tmur fuq il-qabar ta’ Kristu int”, kien kliem iċ-Ċiniż.
Dan b’referenza għal dak li qalet l-eks mara ta’ Jason Azzopardi li sostniet li meta mar l-Iżrael, Azzopardi lilha qalilha li ried imur tieġ waħdu għaliex wara xtaq iqatta’ lejl fuq il-qabar ta’ Kristu.
Degiorgio għadda wkoll kliem ta’ theddid fil-konfront tal-Magistrat Zammit Stafrace.
Vince Muscat, Il-Koħħu, it-tielet suspettat fil-qtil tal-ġurnalista, wkoll kien preżenti fil-Qorti, iżda baqa’ sieket tul is-seduta kollha.