Lovinmalta titlef żewġ ilmenti kontra ONE News quddiem l-Awtorità tax-Xandir – One News

Notifiki

Lovinmalta titlef żewġ ilmenti kontra ONE News quddiem l-Awtorità tax-Xandir

ONE News ma nstabx ħati ta’ nuqqas ta’ imparzjalità f’żewġ rapporti li ppubblika u xandar wara li l-Kap Eżekuttiv tas-sit Lovinmalta fetaħ żewġ ilmenti quddiem il-bord tal-Awtortità tax-Xandir u tilifhom.

L-ewwel ilment li ressaq Christian Peregin kien kontra r-rappurtaġġ ta’ ONE dwar sentenza tal-Qorti fuq allegat sekwestru tal-ġurnalisti f’Kastilja.

Il-Qorti kienet iddeċidiet li ma kien hemm l-ebda sekwestru u arrest tal-ġurnalisti u illiberat l-imputati iżda Christian Peregin tal-Lovinmalta kien ilmenta li din l-aħbar ma kinitx imparzjali.

Peregin kien qal li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien ħareġ stqarrija dwar din is-sentenza iżda ONE News ma rappurtahiex.

Tal-Lovinmalta, li ressaq notifika quddiem l-Avukat tal-Istat u l-Prim Awla Ċivili biex tinfetaħ kawża kontra l-istazzjonijiet politiċi ta’ pajjiżna, dejqitu sentenza fir-rapport ta’ ONE News li rreferiet għal-Lovinmalta bħala midja li ssejjaħ lilha nnifisha indipendenti.

Għan-nom ta’ ONE News deher l-avukat Jonathan Attard li saħaq li s-servizz ta’ ONE News, fl-intier tiegħu huwa fattwalment korrett.

B’referenza għall-argument tal-Lovinmalta dwar l-istqarrija tal-IĠM, Dr Attard qal li l-ebda Kamra tal-Aħbarijiet ma tirrapporta kull stqarrija li toħroġ u ma jistax ikun li wara li l-Qorti toħroġ sentenza, il-Kamra tal-Aħbarijiet tieħu l-opinjoni u l-kummenti ta’ min jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu fuq is-sentenza tal-Qorti.

Dwar il-frażi “il-midja li ssejjaħ lilha nnifisha indipendenti”, Dr Attard qal li ma jaħsibx li Peregin ħassu inġurjat għaliex kieku seta’ jiftaħ libell u lanqas talab għal dritt ta’ risposta.

L-Avukat ta’ ONE News qal li tal-Lovinmalta ma kellux iħossu aggravat għaliex fil-fatt din il-midja msemmija hekk tiddeskrivi lilha nnifisha.

Fuq dan l-ewwel ilment, l-maġġoranza tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir kien tal-fehma li jiġi miċħud u mhux ippruvat.

It-tieni ilment li fetaħ tal-Lovinmalta kontra ONE News ukoll ġie miċħud u kien dwar rappurtaġġ li jirreferi għal rapport li deher fuq il-Lovinmalta u li ONE News ġab l-istqarrijiet li għamlu l-Ministru Edward Zammit Lewis u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Hawnhekk Chris Peregin argumenta li x-xandir f’Malta għandu jkun imparzjali u ONE News għażel li jieħu punt mill-istorja tal-Lovinmalta.

Hawnhekk Dr Jonathan Attard f’isem ONE News iċċara li r-rapport kien fuq kummenti li għamlu Dr Zammit Lewis u Dr Muscat dwar dak li deher fuq il-Lovinmalta.

Fakkar li anki hawn kieku ħassu inġurjat, Peregin kien jagħmel dritt ta’ risposta jew jiftaħ libell, xi ħaġa li ma għamilx.

Waqt is-smigħ, Chris Peregin kritika li l-membri tal-bord tal-Awtorità tax-Xandir huma maħtura minn partiti politiċi iżda imbagħad qal li għandu fiduċja fil-bord.

B’mod ċar, fid-deċiżjoni tagħha, l-Awtorità tax-Xandir qalet li ma kienx hemm każ ta’ nuqqas ta’ imparzjalità minn ONE News u lanqas li r-rapport ta’ dan l-istazzjon dawwar b’xi mod il-kliem.

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend