Notifiki

Kif tista’ ma tikkummentax?

Xi ħsibijiet fuq dak li smajna s’issa dwar it-tentattiv ta’ reshuffle fix-Shadow Cabinet mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Hu ċar aktar minn qatt qabel, li din ir-reshuffle mhi xejn ħlief manuvrar ta’  ‘Repubblika’ bħala  l-id intransiġent tal-establishment, biex issaħħaħ il-ponn tagħha fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech spiċċa biex mhux hu jieħu d-deċiżjonijiet, iżda spiċċa biex qed jieħu l-ordnijiet mingħand Repubblika, li fuq kollox poġġietu hemm biex ittajjar l-eks Kap Adrian Delia.

Minn dak li qed naqraw u nisimgħu mingħand sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali, din ir-Reshuffle qed tkun ikkordinata minn ħadd ħlief Louis Galea, l-eks Ministru u Segretarju Ġenerali tal-PN.

Galea, li qed jaħdem minn uffiċċju fi ħdan it-tielet sular tad-Dar Ċentrali, ftit bibien bogħod minn uffiċċju ieħor, li minnha qed joperaw esponenti ta’ Repubblika.

Kemm ilu fil-kariga Bernard Grech, Repubblika qed taħdem minn ġewwa d-Dar Ċentrali u l-attivisti tagħha huma dawk li qed jifformulaw il-politika tal-PN, altru mill-proposta li d-Deputat Claudio Grech intgħażel bħala l-persuna li se jaħmi l-politika l-ġdida tal-PN.

Louis Galea hu rrappurtat li poġġa lill-akkolt tiegħu Ray Bezzina biswit Bernard Grech.

Bezzina, li hu sieħeb fin-negozju ta’ kumpanija mal-eks Kap tal-Komunikazzjoni f’Kastilja Gordon Pisani, kien ukoll l-id il-leminija tal-eks Ministru George Pullicino.

Dan Bezzina, magħruf li kien fi ħdan il-core group tal-eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi u fdat minn Simon Busuttil, issa tpoġġa biex imexxi lil Bernard Grech fl-għażla tax-Shadow Cabinet.

U t-taħwid, kif qed naqraw hu sintomatiku tal-ħsieb tal-establishment biex ikun ikkonfrontat il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.

Issa li ħadu d-drawwa li jipprotestaw, jimponu u jieħdu b’dak li jridu, il-membri tal-Grupp Parlamentari tal-PN urew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-għażliet ‘dgħajfa’ u ‘biżarri’ ta’ Bernard Grech.

Jgħid kemm jgħid li hu deċiżiv, Bernard Grech falla f’dan l-ewwel test important tiegħu. Dik li jagħżel it-tim ta’ tmexxija parlamentari tiegħu.

Ma aċċetta kważi ħa l-pożizzjonijiet strateġiċi, li skont Grech se jkunu intiżi biex ikollu ‘Grupp Parlamentari b’saħħtu’.

Minflok, Bernard Grech welled rebus sħiħ fejn saħanistra kellu jagħmel u-turns spettakolari biex isalva wiċċu mill-mistħija, hekk kif id-diżgwid u d-diżapprovazzjoni ħareġ fil-beraħ.

Qed ikun irrappurtat minn ċerti bloggers li fi ħdan il-grupp parlamentari qed ifissru lil Grech bħala ‘Kaboċċa’. Din hi l-għaqda u l-ispirtu entużjast li jiftaħar biha dan l-aħħar Bernard Grech.

Kif jista’ Bernard Grech jiċħad li r-Repubblika qed tikkmandah, meta neħħa lil Jason Azzopardi minn Kelliem dwar il-Ġustizzja minħabba l-kunflitt ta’ interess tiegħu bħala avukat tal-familja Caruana Galizia?

Għaliex minflok Azzopardi, hu rrappurtat li poġġa lil Karol Aquilina bħala l-Kelliem għall-Ġustizzja, meta hu fatt magħruf li ħu Karol, Robert Aquilina hu l-President ta’ Repubblika. Dan mhux kunflitt ta’ interess ieħor?

Fuq il-governanza tajba, Bernard Grech hu rappurtat li għażel lid-Deputat Għawdxi Joe Ellis, li hu l-Avukat ta’ Repubblika, u firmatarju ta’ kwereli u rikorsi kostituzzjonali ta’ Repubblika kontra l-Prim Ministru u l-Forzi Armati.

Insomma dawn huma wħud mill-frejjeġ strateġiċi ta’ Bernard Grech, li qed jieħu l-ordnijiet mingħand Repubblika.

Laqatni ħafna kumment fuq Facebook, mill-ħabib tiegħi u eks militant fi ħdan il-PN George Tabone, li qal: ‘Għażiż Bernard, meta jkunu qegħduk, diffiċli tqegħedhom. Qed tifhem?’

Ta’ QabelLi Jmiss
Karl Stagno Navarra huwa eks-ġurnalist li serva ma Media.Link Communiactions għal 19-il sena. Ħadem ukoll ma networks internazzjonali tal-aħbarijiet bħal Al Jazeera f'diversi pajjiżi, fosthom bħala korrisppondent f'Londra, Pariġi, Amsterdam u Ruma. Kien ukoll korrisppondent fl-Iraq, Afghanistan u fil-Pakistan, u kien il-korrispondent mal-aġenzija Bloomberg fi Brussell fuq l-Ewropa u l-Eurozone. Fl-2016 ingħaqad ma ONE TV biex sal-llum, ippreżenta żewġ staġuni tal-programm popolari Pjazza

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend