Notifiki

Fondazzjoni Kreattività tniedi l-istaġun ta’ ŻiguŻajg għal din is-sena

Wara s-suċċess ta’ ŻiguŻajg Festival f’Novembru li għadda issa l-Fondazzjoni Kreattività qed tniedi t-tieni edizzjoni tal-istaġun ta’ ŻiguŻajg ta’ din is-sena taħt il-patronċinju ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela.

Din l-edizzjoni b’kollaborazzjoni mat-tim ta’ ŻiguŻajg Festival, għandha 13-il proġett b’iktar minn ħamsa u tletin artist u sitt forom kreattivi differenti li jvarjaw mil-letteratura għat-teatru, film u mużika.

Preżenti għat-tnedija kien hemm Dr Lydia Abela fejn semmiet kif l-arti minn dejjem kienet għal qalbha u sostniet kif matul il-vjaġġ ta’ bintha Giorgia Mae hija tgħallmet kemm hu importanti li lit-tfal nintroduċuhom għal esperjenzi artistiċi.

Is-Sinjura Abela qalet, “Għaliex l-arti ġġegħelhom ikunu immaġinattivi u tgħallimhom ukoll fuq esperjenzi oħrajn bħax-xjenza, l-istorja, il-kultura u għalhekk meta t-tfal ikunu viċin daqshekk tal-arti nemmen illi l-vjaġġ edukattiv tagħhom ikun ħafna aħjar. Allura nħeġġeġ lill-adulti biex jaħtfu din l-opportunità lit-tfal tagħhom u jġibuhom hawnhekk Spazju Kreattiv biex ilkoll igawdu minn dan l-istaġun ta’ ŻiguŻajg.”

Iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kreattività Rupert Cefai tenna li bil-pandemija tal-Covid-19, is-settur kreattiv ħa daqqa kbira. Tant li ŻiguŻajg Festival ħa xejra differenti.

Dan billi ntwerew fuq l-internet l-għaxar produzzjonijiet li laħqu udjenza ta’ tlettax-il elf persuna.

Id-Direttur Artistiku ta’ Fondazzjoni Kreattivita Daniel Azzopardi tenna li permezz ta’ din is-sensiela t’avvenimenti qed ikomplu jintlagħqu udjenzi iżgħar fl-età.

Huwa sostna: “Is-suċċess tal-Festival ta’ Żigużajg wassalna biex l-udjenzi tagħna jitolbu iktar attivitajiet ta’ dik it-tip illi huma għat-tfal u żgħażagħ matul is-sena kollha allura ħassejna bħala fondazzjoni u importanza li dawn l-attivitajiet nagħmluhom tul ix-xhur kollha u jkun hemm kostantament attivitajiet fejn in-nies mhux biss għandhom l-għaxart ijiem tal-festival imma matul is-sena jistgħu jesponu lilhom nfushom għall-kreattività u għax-xogħol kreattiv għall-aħħar tal-artisti li naħdmu magħhom.”

Il-Ministru għall-Arti José Herrera sostna kif matul dawn l-aħħar seba’ snin sar investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro f’dan il-festival.

Il-Ministru Herrera stqarr: “F’dawn l-aħħar snin ukoll il-budget allokat irdoppja, jiġifieri nħares ‘il quddiem b’ċertu ottimiżmu illi iktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nirrealizzaw kemm huwa importanti li ż-żgħażagħ u t-tfal tagħna u nattirawhom lejn l-arti kreattivà.”

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend