Tnieda proċess biex sensara japplikaw għal-liċenzja – One News

Notifiki

Tnieda proċess biex sensara japplikaw għal-liċenzja

Tnieda sit sabiex sensara għandhom jaċċessaw sabiex ikunu jistgħu jirreġistraw għal liċenzja. Dan hekk kif minn bħal dan iż-żmien sena kull sensar irid ikun liċenzjat biex ibigħ proprjetà, u għalhekk permezz ta’ din il-liġi, is-suq tal-proprjetà f’pajjiżna se jkun regolat.

Dan tħabbar waqt konferenza stampa mis-Segretarju Parlamentari għall-Kostruzzjoni Chris Agius.

Huwa spjega: “Illum ninsabu f’pożizzjoni fejn irnexxielna li kull min irid ikollu liċenzja għandu żmien biżejjed sabiex jista’ jattendi kors, ikun ikkwalifikat u allura mbagħad ikun jista’ japplika għal-liċenzja sabiex minn Jannar li ġej, kull min jaħdem fis-settur irid ikollu liċenzja.”

Bosta msieħba soċjali ħadmu sabiex flimkien mal-Gvern ifasslu qafas legali li jirregola s-suq tal-proprjetà filwaqt li ma jkunx ta’ xkiel għas-settur; li fis-sena li għaddiet ra mal-14,000 konvenju jiġi ffirmat li jammontaw għal tliet biljun ewro.

Is-Segretarju Parlamentari Agius sostna: “Matul dawn l-aħħar tliet snin kien hemm diskussjonijiet il-ħin kollu mal-istakeholders. Il-liġi saret b’konsultazzjoni diretta magħhom u nista’ ngħid li s-settur huwa favur tali leġiżlazzjoni.”

Sensara li jaħdmu fis-settur tal-proprjetà u li għadhom ma jistgħux jipproċedu direttament bl-applikazzjoni għal liċenzja, għandhom juru l-intenzjoni tagħhom sal-aħħar ta’ Marzu li ġej.

Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari informa lil dawk li diġà ġabu l-kwalifiki meħtieġa illi m’għandhomx għalfejn jgħaddu mill-proċess ta’ dikjarazzjoni ta’ intenzjoni imma jistgħu japplikaw għal-liċenzja immedjatament.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li dan huwa pass li se jfisser serħan il-moħħ fil-proċess ta’ negozjar u arranġament ta’ transazzjonijiet li jinvolvu: l-akkwist; il-bejgħ; jew il-kiri ta’ art.

Bil-liġi l-ġdida se jkunu eżentati biss mill-bżonn li jkollhom liċenzja, dawk li jwettqu sa żewġ senseriji fis-sena.

Dawk interessati jistgħu japplikaw fuq is-sit realestateregistration.gov.mt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend