Il-PN jiddefendi lil Kristina Chetcuti kontra l-Prof. Gauci – One News

Notifiki

Il-PN jiddefendi lil Kristina Chetcuti kontra l-Prof. Gauci

Il-Partit Nazzjonalista qed jiddefendi lis-sieħba tal-eks Kap Simon Busuttil, Kristina Chetcuti, wara l-artiklu li kitbet mimli attakki kontra s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

F’artiklu li kitbet fuq it-Times, Kristina Chetcuti akkużat b’mod insolenti lil Charmaine Gauci li ma tgħidx l-affarijiet kif inhuma meta titkellem fl-aġġornamenti mediċi ta’ kull ġimgħa dwar is-sitwazzjoni tal-imxija f’Malta.

Chetcuti talbet lill-Professur Gauci biex tieħu l-vaċċin għall-Covid-19.

Hija anki tefgħet dubju fil-vaċċin u qalet li kemm-il darba Charmaine Gauci ma tieħux it-tilqima, qed turi li hemm affarijiet oħra u ma temminx fil-vaċċin.

Għal dan id-diskors u ieħor, fosthom biex tħalli l-proċess tat-tilqim f’idejn ħaddieħor u hi toqgħod tixrob ix-xampanja, Jason Azzopardi kien fost l-ewlenin li ddefenda lil Chetcuti. 

Meta kien mistoqsi: “Il-waranofsinhar it-tajjeb Dr Azzopardi. Taqbel ma’ dak li qalet Kristina Chetcuti lbieraħ f’dan l-artiklu fuq il-Professur Charmaine Gauci?”

Jason Azzopardi wieġeb: “Mhux suġġeriment ħażin, iva.”

Quddiem il-Parlament sibna wkoll lil Kap Bernard Grech li qagħad attent li ma jikkundannax lil Kristina Chetcuti, li appoġġjatu bi sħiħ fit-taqtigħa għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Meta staqsejnieh: “Taqbel ma’ dan is-suġġeriment li għaddiet Kristina Chetcuti dwar dak li qalet kontra l-Professur Charmaine Gauci?”

Bernard Grech stqarr: “Kristina Chetcuti mhux parti mill-partit.”

Imbagħad kien hemm min qalilna li ma qarax l-artiklu, anki jekk ridna nfehmuh x’kitbet l-esponenta ewlenija tal-establishment Nazzjonalista kontra l-Professur Gauci.

Beppe Fenech Adami qal, “Jiena ma nafx x’kitbet Kristina Chetcuti u allura ma nistax nikkummenta.”

Min-naħa tiegħu, Chris Said laqa’ għas-sieħba ta’ Simon Busuttil u attakka lil ONE News.

Il-Ġurnalist ta’ ONE News spjega: “Hi qalet li mhix tieħu miżuri tajbin fuq l-imxija u bażikament qaltilha biex tħalli l-proċess tat-tilqim għall-ħaddieħor.”

Chris Said qal, “Qed tinterpreta lil Kristina Chetcuti, ma nafx x’qalet.”

Il-Ġurnalist ta’ ONE News tenna: “Mhux qed ninterpretah, qed ngħidlek x’qalet.”

Chris Said sostna: “Jimporta nirrispondik, ħallini nirrispondik. Mela ħa nirrispondik. Qed tinterpreta x’qalet Kristina Chetcuti, jien ma qrajtux imma intom għandkom qagħda s-Super ONE kif idawru dak li jgħid ħaddieħor.”

Anki jekk Said qalilna li ndawru l-affarijiet, dan anki jekk fl-artiklu hemm miktub b’mod ċar li skont Kristina Chetcuti, il-Professur Gauci hija pupazz tal-Gvern u li tieħu miżuri finta għall-ġid tas-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi, Kristy Debono għamlet bħalu u benġlietha billi qalet li aħna qed nieħdu l-affarijiet barra l-kuntest.

Debono qalet, “Irrid naqrah kollu, out of context m’għandix dubju.”

Iddefenda wkoll lil Kristina Chetcuti fuq l-attakk kontra Charmaine Gauci, deputat Nazzjonalista ieħor filwaqt li ieħor, li qabel kien kellimna fuq il-kannolli, ma riedx jikkummenta.

Meta kien mistoqsi: “Dr Demarco taqbel ma’ dan li qalet Kristina Chetcuti lbieraħ fuq il-Professur Charmaine Gauci?”

Mario De Marco wieġeb: “Hija opinjoni ta’ Kristina Chetcuti.”

Meta reġa’ kien mistoqsi: “Ma taqbilx magħha jiġifieri?”

Mario De Marco sostna: “Jien m’għedtlekx li ma naqbilx magħha, hija opinjoni.”

David Thake stqarr: “M’għandi l-ebda kumment x’nagħtik ħabib.”

Meta rġajna staqsejnieh: “M’għandekx opinjoni dwar dan?”

David Thake tenna: “M’għandi l-ebda kumment x’nagħtik, żewġ affarijiet differenti ħafna.”

Barra l-Parlament sibna wkoll lil dan id-deputat li mal-ewwel ma riedx jgħid x’jaħseb qabel ma lissinna l-mistoqsija.

Carm Mifsud Bonnici qalilna, “M’għandi kummenti.”

Meta l-Ġurnalist ta’ dan l-istazzjoni staqsieh: “Taqbel ma’ dak li qalet Kristina Chetcuti fit-Times ilbieraħ fuq il-Professur Charmaine Gauci?”

Carm Mifsud Bonnici sostna: “M’għandi ebda kumment x’ngħaddi.”

Meta erġajna staqsejnieh dwar dan: “Għandek opinjoni dwarha?”

Carm Mifsud Bonnici tenna: “Qed ngħidlek li m’għandix opinjoni, aw li m’għandix kumment x’ngħaddi jekk jogħġbok.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend