Jitħabbru dettalji tal-Programm Malti ta’ Residenza Permanenti li fih due diligence għoli skont livelli Ewropej – One News

Notifiki

Jitħabbru dettalji tal-Programm Malti ta’ Residenza Permanenti li fih due diligence għoli skont livelli Ewropej

Il-programm Malti ta’ Residenza Permanenti għandu wieħed mill-aktar proċessi serji u għolja ta’ due diligence fl-Unjoni Ewropea.

Iddikjara dan is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Alex Muscat, propju ftit mumenti qabel ma’ ressaq għall-ewwel qari l-aġġornament tal-liġi l-ġdida ta’ dan il-programm fil-Parlament Malti t-Tnejn filgħaxija.

F’kummenti ma’ dan l-istazzjon Alex Muscat spjega li r-reviżjoni ta’ dan il-programm mistenni jiġbed lejn Malta aktar investiment barrani.

“Il-programm tagħna huwa wieħed serju mmens għax l-ammont ta’ due diligence li nagħmlu huwa fost l-ogħla fl-Ewropa u allura dak jagħmlu attraenti ħafna għal investituri serji. Il-programm jaħdem billi dak li jkun jew jixtri propjetà jew inkella jikri, rajna wkoll li jkun hemm differenza fil-valuri bejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u Għawdex u l-bqija ta’ Malta sabiex inħeġġu wkoll investituri illi jixtru propjetà f’Għawdex u fin-naħa t’isfel.”

Ir-reviżjoni żiedet il-kontribuzzjoni lill-Gvern minn tletin elf ewro għal tmienja u sittin elf ewro għal meta wieħed jixtri propjetà u tmienja u disgħin elf ewro għal meta wieħed jikri propjetà.

Biex wieħed ikun eliġibli għall-verżjoni ġdida tal-programm, l-applikant irid jikri propjetà sa tnax-il elf ewro f’sena jew għaxart elef ewro jekk din tkun fin-nofshinar ta’ Malta jew f’Għawdex. Min-naħa l-oħra dawn jistgħu wkoll jixtru propjetà b’valur ta’ mhux anqas minn tlett mitt elf ewro fin-nofshinar ta’ Malta jew f’Għawdex u tliet mija u ħamsin elf ewro x’imkien ieħor f’Malta.

Il-barranin għandhom iżommu l-propjetà sa ħames snin mid-data li joħroġ iċ-ċertifikat ta’ residenza Maltija.

Waħda mill-kriterji għal dan il-Programm ta’ Residenza b’Investiment, hija li l-applikant jrid jagħti elfejn ewro lil xi għaqda mhux governattiva f’Malta jew f’Għawdex tal-għażla tagħhom. Apparti dan se titneħħa r-rekwiżita li wieħed jinvesti f’stocks u bonds tal-Gvern.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li f’pandemija li ġabet magħha diversi sfidi, dan il-programm serva ta’ spalla enormi għal diversi familji u negozji.

“Waqt il-pandemija rrealizzajna kemm huwa importanti li nattiraw l-investiment barrani dirett sabiex inkunu f’pożizzjoni bħala Gvern illi dak l-income li qed indaħħlu nkunu nistgħu ngħinu l-familji tagħna u n-negozji biex l-ekonomiji tagħna terġa’ taqbad tirpilja kemm jista’ jkun malajr.”

Sal-lum Malta rċeviet elfejn ħames mija tnejn u erbgħin applikazzjoni, bil-maġġoranza tagħhom ġejjin miċ-Ċina, Russja, Indja u l-Afrika t’Isfel, filwaqt li madwar għaxra fil-mija tal-applikazzjonijiet ma jiġux milqugħa.

Il-Programm ta’ Residenza preċedenti, kien wieħed mill-inizjattivi ta’ suċċess f’pajjiżna fejn jidħol investiment dirett barrani u li ħalla kważi €50 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Intant meta mistoqsi dwar ir-risposta li ntbagħtet mill-Gvern Malti lill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kritika u argumenti tagħha dwar dan il-programm, Alex Muscat qal li sa issa għadu ma kien hemm l-ebda tweġiba min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend