L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA qed tinvestiga allegat każ ta’ abbuż razzjali fuq it-tfajla żagħżugħa, Maya Lucia waqt li kienet qed tilgħab mat-tim tan-nisa ta’ Għargħur Rovers, fil-kampjonat ta’ taħt id-dsatax-il sena.
Il-każ ġara lbieraħ, hekk kif it-tim li tilgħab miegħu Maya lagħab kontra t-tim tal-Mosta fil-grawnd ta’ Wied il-Għajn, fejn ġenituri tat-tim oppost għajruha b’missierha waqt din il-logħba futbol.
F’messaġġ fuq Facebook, it-tfajla spjegat kif ilha żmien ma tikteb fuq il-paġna tagħha, iżda din id-darba ma felħitx ma tgħid xejn.
Sostniet kif fl-2021 m’għandhomx jibqgħu jiġu wżati dawn it-tip ta’ kummenti speċjalment meta l-istess kummenti dispreġjattivi ntqalu minn ġenituri ta’ plejers tat-tim oppost.
Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol esprimiet solidarjetà ma’ Lucia, li hija wkoll plejer tat-tim nazzjonali tan-nisa. Innutat kif bħalissa għaddej proċess sabiex tinġabar iżjed informazzjoni dwar dan il-każ. L-MFA saħqet kif hija tikkundanna kull forma ta’ razziżmu.
Fuq Facebook, it-tim ta’ Maya kkundana dan l-att mingħand ġenitur li kien barra l-grawnd, fejn ġie kkonfermat li se tittieħed azzjoni mill-MFA u mill-pulizija.
Kienu bosta li kkummentaw u wrew id-dispjaċir tagħhom fejn sostnew kif misshom jistħu jgħaddu kummenti hekk speċjalment minn ġenituri li suppost ikunu ta’ eżempju.
Fosthom kien hemm, il-Prim Ministru Robert Abela li fuq Twitter qal kif li żagħżugħa tkun abbużata minħabba r-razza ma tistax tibqa’ ir-realtà tal-isportivi Maltin. Saħaq kif flimkien irridu nibnu soċjetà fejn kulħadd ikun trattat b’rispett, fejn id-diskriminazzjoni titneħħa mis-soċjetà.
That a young sportswoman is abused because of her skin colour cannot remain “the reality of being an athlete in #Malta”. Together we will build a society where everyone is treated with #respect and where #discrimination fades in the oblivion it deserves – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) January 18, 2021