It-Tnejn wara nofsinhar, Oliver Scicluna ħa l-ġurament ta’ Membru Parlamentari.
Scicluna nħatar Deputat Laburista, hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela ppropona lil Oliver Scicluna sabiex jinħatar deputat.
Fl-ewwel diskors tiegħu, bħala Membru Parlamentari, Oliver Scicluna rringrazzja lill-Prim Ministru Robert Abela għal fiduċja li wera fih. Innota kif huwa bħala Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà qal kif qatt ma ħares lejn wiċċ ħadd u saħaq li se jkompli jagħmel dan bħala deputat Laburista.
“Fl-aħħar snin qdejt fil-pożizzjoni ta’ Kummissarju għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà. Inħoss li għamilt, qdejt dmiri dejjem lejn il-persuni b’diżabiltà u l-familjari tagħhom, mingħajr ma ħarist lejn ebda uċuħ u lejn ebda uċuħ u jiena kif ukoll għamilt f’dawn l-aħħar snin se nkun qed nagħmel, naqdi dmiri bl-istess mod f’din il-kamra.”
Oliver Scicluna nħatar deputat Laburista wara li nhar il-Ġimgħa li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu ressaq l-isem ta’ Oliver Scicluna quddiem il-Grupp Parlamentari Laburista. Huwa ġie approvat b’mod unanimu.
Aktar tard, l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista approva din il-co-option ta’ Scicluna sabiex ikun membru parlamentari.
Intant matul il-jum tat-Tnejn, Scicluna ppreżenta l-ittra ta’ riżenja tiegħu minn Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabiltà fejn kien ilu jservi f’din il-kariga minn Ġunju tal-elfejn u sittax.