Il-bejgħ tal-proprjetà f’Malta fl-2020 laħħaq it-tliet biljun ewro… iktar mill-2019 – One News

Notifiki

Il-bejgħ tal-proprjetà f’Malta fl-2020 laħħaq it-tliet biljun ewro… iktar mill-2019

Is-sena li għaddiet, minkejja l-isfidi bla preċedent tal-pandemija, l-industrija tal-proprjetà f’pajjiżna kkontribwixxiet xejn inqas minn tliet biljun ewro fl-ekonomija Maltija, u l-bejgħ tal-proprjetà ħalla fil-kaxxa ta’ Malta mijiet ta’ miljuni ta’ ewro f’taxxi.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi tkellmet dwar il-bejgħ tal-proprjetà fis-sena elfejn u għoxrin, u qalet li l-miżuri f’waqthom li ttieħdu mill-Gvern waqt il-pandemija, mhux biss wasslu għar-riżultati mixtieqa imma saħansitra qabżu kull aspettattiva.

Iċ-ċifri tal-Assoċjazzjoni juru li bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet, is-suq tal-proprjetà f’pajjiżna rreġistra total ta’ tlettax-il elf, tmien mija u sebgħa u sittin konvenju, bi qligħ li jiżboq is-somma ta’ tliet biljun ewro.

Ir-riżultati għas-sena li għaddiet urew ukoll kif, minkejja l-pandemija, l-industrija tal-kostruzzjoni mhux biss baqgħet għaddejja, imma rreġistrat riżultati aqwa minn dawk tas-sena ta’ qabel.

Fil-fatt, filwaqt li fl-elfejn u dsatax kienu rreġistrati tlettax-il elf, mitejn u tlieta u erbgħin konvenju, dawn żdiedu b’sitt mija u erbgħa u għoxrin is-sena li għaddiet.

Iċ-ċifri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi juru wkoll li Diċembru li għadda kien l-aqwa Diċembru mill-elfejn u sbatax ’l hawn, u rriżulta f’elf, tliet mija u disgħin konvenju.

Fl-aħħar xahar tas-sena tal-pandemija, il-valur tal-bejgħ tal-proprjetà laħħaq it-tliet mija u tnejn u tmenin miljun ewro.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi, Sandro Chetcuti, nnota kif dan is-suċċess saħansitra għen lil setturi oħrajn.

Qal kif, “Dan is-settur ikkontribwixxa bil-kbir ukoll fl-2020, li kienet sena diffiċli għal ħafna setturi, biex seta’ wkoll jitma setturi oħrajn li marru inqas tajjeb.”

Qal li din is-sena, l-Assoċjazzjoni se tkompli tibni fuq is-suċċess miksub billi tadotta strateġiji u proposti konkreti ħalli l-industrija tikber u tkun sostenibbli filwaqt li tilħaq bilanċ fejn jidħol l-ambjent.

Spjega kif, “Irridu nimbuttaw iktar biex ikun hawn il-liċenzjar tal-kuntratturi biex il-liġi tiġi implimentata, nikkontribwixxu wkoll għall-climate change li huma sfidi kbar li ġejjin quddiemna u qegħdin naħdmu biex l-industrija tkompli tiġi organizzata bħalma diġà bdiet tiġi organizzata.”

Fuq Twitter, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dawn ir-riżultati juru li l-familji u n-negozji f’pajjiżna jinsabu kunfidenti fil-futur.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend