Żagħżugħ ta’ 21 sena qiegħed jinżamm mill-Pulizija b’rabta ma’ allegat ħruq ta’ vettura f’Ħal Tarxien.
Jiem ta’ investigazzjonijiet u osservazzjoni mill-Pulizija tal-Arsons Unit fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, wasslu biex tard it-Tlieta filgħaxija, iż-żagħżugħ jiġi arrestat fil-Belt Valletta.
Nhar it-31 ta’ Diċembru, 2020, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid, fi Triq l-Isqof Tumas Gargallo, Ħal Tarxien, fejn sabu Toyota Vitz qiegħda tieħu n-nar. Mill-investigazzjonijiet li saru u analiżi ta’ filmati tas-sigurtà, fl-aħħar sigħat iż-żagħżugħ ġie identifikat u arrestat.
Wara li ġie arrestat, il-Pulizija għamlet tfittxija fil-vettura tiegħu fejn instabu 31 qartas b’sustanza suspettata kokaina.
Ir-raġel se jitressaq il-Qorti llum, mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett, għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Neville Camilleri LL.D, b’akkużi relatati mal-każ.
Ritratti: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta.