Imlaqqa’ l-ewwel par ta’ barbaġanni fil-Buskett – One News

Notifiki

Imlaqqa’ l-ewwel par ta’ barbaġanni fil-Buskett

Il-proġett tal-barbaġann fil-Buskett mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK se jidħol fit-tielet fażi tiegħu hekk kif tlaqqa’ l-ewwel par  bl-ismijiet Tyto u Alba, ismijiet li ġejjin mill-kliem xjentifiku għall-barbaġann.

F’kummenti, l-kordinatur tal-proġett Lucas Micallef spjega kif l-għaqda ser tkun qed issegwi l-atteġjament tal-barbaġanni u li jħarsu ’l quddiem għal riżultati pożittivi ta’ tnissil u b’hekk il-barbaġann jirritorna fis-selvaġġ.

Spjega li, “Il-proġett ta’ ri-introduzzjoni mill-ġdid tal-barbaġann fil-gżejjer tagħna huwa wieħed uniku u huwa ferm interessanti wkoll… Grazzi għal-live streaming cameras ħa nkunu nistgħu naraw l-attaġjament tagħhom 24 siegħa kuljum u anke nħarsu ‘l quddiem biex naraw l-ewwel frieħ li jkollhom.”  

F’attività f’Razzett il-Bagħal fil-Buskett stess u li fiha nzertaw diversi żrieragħ ta’ siġar indiġeni, fosthom tal-ħarrub u taż-żnuber, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega l-importanza ta’ dan il-proġett għall-bijodiversità f’pajjiżna.

Qal kif, “Dan huwa proġett importanti għaliex ikompli jippreserjva u jsaħħaħ il-biodiversità f’pajjiżna imma wkoll il-wirt u patrimonju amjentali Malti, żewġ pillastri importanti fl-eko-sistema tal-pajjiż. Qegħdin naraw ukoll li min-naħa ta’ Ministeru nsaħħu l-post anke b’sigurtà biex b’hekk nipprevjenu reati ta’ serq, vandaliżmu u ħruq li jista’ jkun hemm flimkien ma’ inċidenti u ħa nkomplu naraw issa illi dan ix-xogħol li għaddej jidħol f’fażijiet oħra ġodda.”  

Wieħed jista’ jaċċessa wkoll filmati diretti tal-guva tal-barbaġanni.

Intant, il-proġett tal-barbaġann huwa appoġġjat mill-Fond għall-Għaqdiet Volontarji għall-Konservazzjoni ta’ Għasafar Selvaġġi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend