Il-PN jerġa’ jiftaħ attakk kontra l-armata fuq l-immigranti – One News

Notifiki

Il-PN jerġa’ jiftaħ attakk kontra l-armata fuq l-immigranti

F’tentattiv ieħor, l-Opożizzjoni Nazzjonalista ppruvat ittappan ix-xogħol siewi li qed jagħmlu s-suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn tidħol l-imigrazzjoni, din id-darba permezz ta’ mistoqsija parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis.

Ellis staqsa lill-Ministeru għall-Intern Byron Camilleri dwar li skont hu, fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Forzi Armati ta’ Malta ma rrispondewx għas-sejħa ta’ għajnuna biex jiġu salvati sitta u disgħin immigrant.

Fi tweġiba parlamentari, il-Ministru Camilleri qal fil-Parlament li d-domanda tal-Oppożizzjoni hi bbażata fuq asserzjonijiet żbaljati u saħaq li jispera li d-deputat mhiex tgħaddilu minn rasu li jiftaħ kwerela kontra s-suldati.

Ma’ dan l-istazzjoni, il-Ministru Byron Camilleri żied jgħid li saru allegazzjonijiet mill-Alarmphone u li Ellis irrefera għalihom.

Qal kif, “Naħseb illi l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista minn dak li għamlu fil-passat fil-konfront tas-suldati tagħna ma tgħallmu xejn. Għal darb’oħra għażel li jibbaża l-azzjoni illi jridni nieħu fuq allegazzjonijiet bla bażi illi għamlu persuni barranin minflok għażlu li jivverifikaw dawk l-allegazzjonijiet jekk humiex veri jew le. Aħna nagħtu kundizzjonijiet aħjar lis-suldati tagħna u kundizzjonijiet aħjar ta’ xogħol għax jixraqilhom.”  

Iżda din ma kinitx l-ewwel darba li rajna attakk mill-Oppożizzjoni fuq is-suldati Maltin, hekk kif is-sena li għaddiet ġiet ippreżentata kwerela li riedet titfa’ lis-suldati tal-patrol boat P52, il-Brigadier u lill-Prim Ministru Robert Abela għomorhom il-ħabs, wara li ġew akkużati bi qtil ta’ immigranti.

Dakhinar kienet infetħet inkjesta Maġisterjali mill-Maġistrat Joe Mifsud li ġabet fix-xejn dawn l-akkużi u minflok faħħret ħidmet l-Armat.

Ta’ min ifakkar ukoll li d-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis kien wieħed minn dawk li ffirma l-kwerela, flimkien mad-Deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi u numru ta’ avukati oħra tal-għaqda Reppublika. Infatti fil-jum li tħabbar li ġie elett fl-elezzjoni każwali flok Frederick Azzopardi, Ellis iġġustifika din il-kwerela.

Intant, l-akkużi  tal-Opożizzjoni kontra s-suldati ġabet kundanna wkoll mill-General Workers’ Union, li fi stqarrija appellat lill-Ellis sabiex jġib rispett lejn il-Membri tal-Forzi Armati ta’ Malta.  

Fl-istess stqarrija pubblika, il-General Workers’ Union talbet lill-Ministru Byron Camilleri sabiex  jinjora t-talba li għamel id-Deputat Nazzjonalista sabiex jiġu investigati mill-ġdid u biex inħallu lis-suldati tagħna jibqgħu jaqdu d-doveri tagħhom f’serenità b’risq is-sigurtà nazzjonali.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista fi stqarrija saħaq li din hija xhieda oħra li bit-tmexxija ta’ Bernard Grech, fil-Partit Nazzjonalista ma nbidel xejn. Żied jgħid li huwa ta’ għajb kif minflok skuża ruħu għal dak li kienu diġà għamlu d-deputati favoriti tiegħu, Bernard Grech reġa’ approva mossa bħal dik ta’ Joseph Ellis.

Il-Partit Laburista qal li t-tweġiba lill-Partit Nazzjonalista hi dik li l-ikbar pass li ħa l-gvern kien dak li tejjeb il-kwalità tal-ħajja tas-suldati b’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar permezz ta’ ftehim kollettiv li ta żidiet fil-pagi tas-suldati.

Saħaq li l-pass li jmiss hu li r-rappreżentanti tal-Partit Laburista fil-Gvern jibqgħu spalla ma’ spalla mas-suldati quddiem dawn l-attakki tal-Partit Nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend