BIL-FILMAT: Jiftakar il-fergħa żagħżugħa tal-PL titwieled – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Jiftakar il-fergħa żagħżugħa tal-PL titwieled

Dan huwa Francis Massa, li huwa wieħed mill-ewwel membri fl-eżekuttiv tal-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista, illum imsejjaħ il-Forum Żgħażagħ Laburisti.

Fil-jum li l-Forum Żgħażagħ Laburisti għalaq sebgħin sena mit-twaqqif tiegħu, ONE News iltaqa’ ma’ Massa f’daru hekk kif illum huwa għandu sitta u disgħin sena.

Wieħed mill-fundaturi tal-fergħa taż-żgħażagħ irrakkontalna l-bidu ta’ din l-għaqda, li kellha l-isem tal-Labour League of Youth.

Francis spjega magħna kif huwa kien l-ewwel kaxxier ta’ din l-għaqda, fejn il-bidu ma kienx faċli, hekk kif il-fergħa żagħżugħ tal-Partit Laburista ħarġet minn għaqda oħra, il-Young Labour League.

Dan frott l-isplit li kellu l-Partit Laburista wara t-tmiem ta’ Pawlu Boffa minn mexxej tal-Partit Laburista.

Qal li hu flimkien ma’ erba’ żgħażagħ oħra ffurmaw statut, sakemm fl-erbatax ta’ Jannar tal-elf disa’ mija wieħed u ħamsin inħolqot l-għaqda taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista.

Qal kif, “Iltqajna l-Belt stess, Strada Stretta, f’palazz hemmhekk u għaqqadna l-kumitat. George Aguis kien l-ewwel President, Jerry Zammit is-Segretarju u jiena kont il-kaxxier.”

Francis Massa qal magħna kif bħala kumitat bdew jiltaqgħu kull ġimgħa u qal kif kienu jorganizzaw diversi affarijiet bħal dibattiti u ħruġ f’diversi postijiet madwar Malta. Semma kif kull ġimgħa kienu jagħmlu s-Sunday Schools u spjega magħna x’kien isir waqt din l-attività.

Spjega, “Konna nagħmlu s-Sunday Schools, il-biċċa l-kbira konna nagħmluhom hawnhekk Wied il-Għajn hawn, fil-każin tal-Labour f’Wied il-Għajn, konna niġu s-Sibt filgħaxija, norqdu hawn, fl-art ta jiġifieri u l-Ħadd niddibattu u xi lecture u xi għawma konna nagħmlu wkoll insomma.”

Barra dan, huwa qal kif din l-għaqda taż-żgħażagħ kienet tgħin fil-ħidma tal-Partit Laburista, dak iż-żmien immexxi mill-perit Duminku Mintoff. Fost din il-ħidma kienu jagħtu daqqa t’id fix-xogħol tal-amministrazzjoni tal-partit bħal istampar ta’ dokumenti u anke jbiegħu kotba maħruġa mill-partit.

Francis semma kif qabel ma ffurmat il-Labour League of Youth, kien hemm il-Young Labour League, li ma kinitx fergħa tal-Partit Laburista. Din l-għaqda tibqa’ magħrufa li f’Jum il-Ħaddiem tal-elf disa’ mija tmienja u erbgħin kienu ltaqgħu waqt ikla fejn preżenti kien hemm il-perit Mintoff. Dwar din kien hemm kritika qawwija hekk kif f’dan iż-żmien kien maħsub li dan il-grupp kien iħaddan prinċipji kontra l-Knisja.

Qal, “L-iktar li msemmijin għalih, konna fl-ikla li għamilna fl-ewwel ta’ Mejju biex niċċelebraw l-ewwel ta’ Mejju u għamlu ħafna storbju fuqha dik insomma. Għidu li aħna bdejna nitkellmu kontra l-Knisja, mhux veru, mhu veru xejn li bdejna nitkellmu kontra l-Knisja.”

Francis irrakkonta magħna li lejn nofs il-ħamsinijiet huwa flimikien ma’ żgħażagħ oħra Laburisti emigraw lejn l-Ingilterra, iżda hawn Malta aktar żgħażagħ komplew isaħħu din l-għaqda taż-żgħażagħ taħt Mintoff. Fl-Ingilterra, Francis u oħrajn komplew jaħdmu favur il-Partit Laburista, hekk kif iffurmaw il-Maltese Labour Movement.

Qal, “Però l-Ingilterra, imbagħad dawk li konna hemm konna nagħmlu ħafna xogħol tal-partit, speċjalment biex inġibu l-indipendenza. Imma Londra ma konniex idejna fuq żaqqna, konna nagħmlu ħafna xogħol għall-partit.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend