Notifiki

Triq ir-Ramla u l-madwar fin-Nadur jittranġaw u jibda jingħata t-tarmak mill-ġdid b’finanzjament ta’ madwar €600,000

Triq Dun Anton Tabone flimkien ma’ Triq ir-Ramla fin-Nadur huma żewġ toroq f’Għawdex li bħalissa jinsabu fl-aħħar fażi ta’ riġenerazzjoni u tiswija. B’investiment ta’ madwar sitt mitt elf ewro, dawn it-toroq raw tibdil ta’ servizzi fosthom sistemi ta’ drenaġġ u ilma flimkien ma’ kanali għax-xita.

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri żar ix-xogħolijiet f’dawn it-toroq fejn spjega kif dawn it-toroq mhumiex sempliċiment jingħataw it-tarmak, imma qed jinbnew mill-ġdid. Dan sabiex it-toroq Għawdxin jilħqu l-ogħla livell ta’ kwalità possibbli.

Huwa spjega wkoll li dawn mhumiex se jkunu l-uniċi proġetti infrastrutturali fil-gżira ta’ tliet għoljiet fis-sena l-ġdida.

Il-Ministru Camilleri stqarr: “Anke din is-sena se nkomplu għaddejjin fuq aġenda infrastrutturali agressiva sabiex inkomplu wkoll nagħtu wċuħ aħjar fejn hemm bżonn kostruzzjoni mill-ġdid tat-toroq madwar Għawdex kollu. ”

Intant, is-Sindku tan-Nadur, Edward Said irringrazzja lill-Ministeru għal Għawdex għax-xogħol bla waqfien li qed jagħmel fuq it-toroq f’Għawdex.

Hu qal, “Qegħdin jagħtu rigal ieħor lil dan ir-raħal. Triq oħra ġdida tinbena mill-ġdid propju Triq ir-Ramla kif nafuha l-antika u parti minnha wkoll Triq Dun Anton Tabone. Triq li verament kienet fi stat diżastruż bħal diversi oħrajn fin-Nadur, però l-impenn tagħna għas-sena elfejn wieħed u għoxrin huwa li nkomplu naħdmu id f’id mal-Ministru Clint Camilleri u l-Ministeru għal Għawdex biex inkomplu nindirizzaw diversi problemi bħal ma qed tiġi indirizzata wkoll fost l-oħrajn, Triq l-Imġarr.”

Ritratti: MGOZ
Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend