Notifiki

Sena mindu Malta kellha Prim Ministru ġdid

It-13 ta’ Jannar.

Sena ilu, Malta kellha Prim Ministru ġdid.

Kien propju jum qabel li Dr. Robert Abela ġie elett bħala id-disa’ mexxej tal-Partit Laburista.

It-Tnejn sebaħ jum ġdid, jum ieħor ta’ serħan il-moħħ.

Robert Abela mar jieħu l-ġurament ta’ Prim Ministru fil-Palazz, il-Belt: “Jien Robert Abela solenniment naħlef li naqdi fedelment u skont il-kuxjenza d-dmirijiet tiegħi bħala Prim Ministru skont il-Kostituzzjoni u l-liġijiet ta’ Malta mingħajr biża’ jew favur hekk Alla jgħini.”

Dakinhar stess f’messaġġ lin-nazzjon, Dr Abela sostna li Gvern immexxi minnu se joffri l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ.

Huwa kien stqarr: “In-nies iridu l-istabbilità u s-serħan il-moħħ u dak se nagħtuhom. In-nies trid l-għaqda ta’ nazzjon wieħed u dik se nagħtuhom. L-għaqda nazzjonali li dejjem rebħet il-biża’. “

Dan il-messaġġ partikolari kien sinonimu għall-aħħar maż-żmien li għad kellu jasal f’pajjiżna.

Dan hekk kif fis-7 ta’ Marzu, Malta kellha l-ewwel każ pożittiv ta’ Covid-19.

Min hemmek pajjiżna beda vjaġġ twil ta’ sagrifiċċji u sfidi li miegħu ġab ukoll deċiżjonijiet mill-aktar kruċjali għall-Prim Ministru Abela.

Hekk kif l-imxija kompliet, il-Prim Ministru Robert Abela, fuq rakkomandazzjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa ħa d-deċiżjoni li jagħlaq l-iskejjel u anke l-ajruport ta’ pajjiżna. Dan flimkien mal-għeluq tal-bars u r-ristoranti.

Dawn id-deċiżjonijiet kienu se jħallu riperkussjonijiet mill-aktar ħorox fuq l-ekonomija Maltija.

Kien hawnhekk li Gvern imexxi minn Dr Robert Abela, embarka b’ħidma sabiex iħabbar diversi pakketti finanzjarji li għenu mhux ftit biex jilqgħu għall-effetti ekonomiċi negattivi tal-pandemija, fosthom il-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika u anke l-akbar Budget fl-istorja ta’ pajjiżna.

Dr Abela sostna: “L-ekonomija tmexxija ‘l quddiem billi tinċentiva lin-nies u mhux bili tintaxxa u tieħu mingħand in-nies dan huwa prinċipju fundamentali li fuq jemmen dan il-Gvern u li jiddistingwina mill-amministrazzjoni preċedenti.”

Kien b’hekk li Malta sal-lum għandha l-inqas rata ta’ qgħad fiż-Żona Ewro.

Dan kollu sar f’kuntest li Malta żammet fost l-inqas rati ta’ infezzjonijiet u mwiet relatati mal-Covid-19 madwar l-Ewropa.

Bil-Prim Ministru Robert Abela fit-tmun tal-pajjiż, Malta rnexxielha wkoll tassigura biżżejjed dożi tal-vaċċin għall-popolazzjoni Maltija.

Fil-fatt fis-26 ta’ Diċembru waslet l-ewwel kunsinja tal-vaċċin ta’ Biontech u Pfizer sabiex fis-27 ta’ Diċembru bdew jitlaqqmu l-ewwel persuni kontra l-imxija.

Hekk kif bħalissa jinsab għaddej programm intensiv biex jitlaqqmu kemm jista’ jkun nies kontra l-pandemija, il-bilanċ ta’ saħħa u ekonomija li nstab mill-Gvern immexxi minn Dr Abela ser jassigura li Malta tkun tal-ewwel li terġa’ tirpilja f’qasir żmien.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend