“Mexxej deċiżiv li qed iħejji lil Malta għal għada” – il-PL dwar l-ewwel sena ta’ Robert Abela bħala PM – One News

Notifiki

“Mexxej deċiżiv li qed iħejji lil Malta għal għada” – il-PL dwar l-ewwel sena ta’ Robert Abela bħala PM

Fl-ewwel sena tiegħu mill-ħatra ta’ Prim Ministru, Dr Robert Abela wera kemm hu mexxej deċiżiv minkejja l-isfidi kollha li sab.

Dan intqal mid-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit tal-Partit Laburista Daniel Micallef u ċ-Chairperson tal-Forum “Ilkoll Indaqs” tal-100 Idea tal-Partit Laburista, Rebecca Buttigieg, waqt konferenza tal-aħbarijiet f’isem il-Partit Laburista.

Intqal kif Robert Abela mexxa lil dan il-pajjiż daqs li kieku dejjem kien hemm u kellu mumenti deċiżivi li swew ta’ ġid għall-pajjiż f’kuntest ta’ sfidi bla preċedent.

Id-Deputat Mexxej Daniel Micallef qal kif f’din is-sena, it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela ħadet diversi deċizjonijiet sabiex ġiet imħarsa s-saħħa u l-għixien tan-nies.

Micallef semma kif il-Gvern ta’ Robert Abela nieda viżjoni ta’ ħames pilastri, għall-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż fosthom il-governanza u miri ambjentali ambizzjużi. Żied jgħid kif ix-xogħol fuq dawn il-pilastri beda b’mod immedjat, hekk kif tul l-aħħar sena saru diversi miżuri sabiex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.

Dawn ir-riformi rċievew diversi tifħir minn istituzzjonijiet internazzjonali.

Daniel Micallef semma kif Gvern Laburista rnexxielu jikseb l-aktar pakkett ta’ fondi Ewropew li qatt kiseb pajjiżna.

Fakkar kif dan huwa d-doppju ta’ dak li kiseb pajjiżna fl-aħħar amministrazzjoni ta’ Lawrence Gonzi bħala Prim Ministru.

Il-Perit Micallef qal li minkejja il-pandemija, il-Gvern ta diversi pakketti finanzjarji sabiex jgħinu lill-ħaddiema u lin-negozji.

Huwa stqarr: “Matul din is-sena wkoll tnedew pakketti finanzjarji b’investiment bla preċident ta’ €900,000,000, b’miżuri li salvaw 100,000 impjieg. Fl-istess żmien ukoll, fi żmien ta’ pandemija aktar nies sabu xogħol, xi ħaġa li hija paradossali meta wieħed iħares lejn dak li qed jiġri f’pajjiżi madwarna.”

Daniel Micallef qal ukoll kif Robert Abela u Chris Fearne ħadmu ponn wieħed kontra l-pandemija u bħala pajjiż, minkejja ċ-ċokon konna minn tal-ewwel li rċevejna l-vaċċin u bdejna nlaqqmu lin-nies.

Min-naħa tagħha, iċ-Chairperson tal-Forum “Ilkoll Indaqs” tal-100 Idea tal-Partit Laburista Rebecca Buttigieg, qalet kif il-Prim Ministru matul din is-sena ħadem sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Buttigieg qalet kif il-Gvern xorta baqa’ jħejji lil Malta għall-ġejjieni tal-pajjiż, fejn fl-ewwel sena tiegħu, Dr Abela ħa deċiżjonijiet li komplew jirriformaw lill-pajjiżna.

Semmiet kif il-Gvern żied il-pensjonijiet sabiex l-anzjani tagħna jkollhom għixien aħjar u min-naħa ta’ infrastruttura, il-Gvern baqa’ għaddej bil-proġetti massiċċi li mistennija mhux biss iżidu l-investiment imma anki jnaqqsu t-tniġġis u jtejbu ħajjet in-nies.

Hija sostniet: “Ħa d-deċizjonijiet meħtieġa, iddeċieda kull meta kien hemm bżonn, iddeċieda f’mument fejn b’mod naturali, ngħid jien, għaliex kienet kriżi ġdida kien hemm diversi opinjonijiet differenti. Però l-ħaġa li spikkat hija d-deċizjonijiet dejjem ħadhom favur l-interess nazzjonali.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend