“Id-deputati li jiġu eletti bil-mekkaniżmu l-ġdid tal-ugwaljanza mhux se jkunu tat-tieni kategorija”.
Dan sostnih il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività fi Spazju Kreattiv, li fakkret is-sebgħin sena mit-twaqqif tal-Forum Żgħażagħ Laburisti. Mistoqsi dwar bosta temi, il-Prim Ministru tkellem dwar il-liġi ġdida li hemm għad-diskussjoni bħalissa fil-Parlament, dik li ġġib iżjed rappreżentanza ugwali bejn is-sessi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Qal kif huwa ma jridx li dawk id-deputati li se jitilgħu b’dan il-mekkaniżmu jkunu deputati tat-tieni kategorija, iżda dawn għandhom jitqiesu l-istess bħad-deputati l-oħrajn. Qal kif dan il-mekkaniżmu huwa għal għoxrin sena li ġejjin u qal kif jispera li dan il-mekkaniżmu jitwaqqaf qabel għax ma nkunux neħtieġuh iżjed bħala pajjiż. Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif iż-żgħażagħ huma l-preżent u huma l-mexxejja tal-lum. Qal li huwa jemmen fiż-żgħażagħ u jrid jara iżjed kandidati żgħażagħ fl-elezzjoni li jmiss u ta warajha.
Dr Abela qal kif minn Marzu lil hawn, il-prijorità tal-Gvern kienet li jsalva l-impjiegi kollha waqt il-pandemija u għalhekk il-Gvern ħareġ diversi pakketti sabiex jgħin lin-negozji u lill-ħaddiema. Qal kif il-Gvern qed iżid l-istipendji sena wara sena, semma li l-istudenti li jkomplu l-iskola jingħataw sena b’xejn ta’ internet u t-trasport xejn għaż-żgħażagħ. Il-Prim Ministru semma kif il-Gvern qed jaħdem sabiex is-settur tad-diżabilità jkompli jissaħħaħ u qal li għada se jmur l-iskola fejn tattendi iż-żagħżugħa Naomi li kellha ġurnata mal-Prim Ministru, ftit tal-ġimgħat ilu.
Dr Abela qal kif l-ambjent huwa prijorità ta’ dan il-Gvern. Qal kif l-aħħar Kunsill Ewropew f’Diċembru li għadda, il-mexxejja Ewropej qablu li sal-2050, il-kontinent Ewropew se jkun ħieles mill-karbonju. Qal kif ras għal ras, pajjiżna huwa l-inqas li jħammeġ fl-Unjoni Ewropea. Dwar it-trasport, il-Prim Ministru qal kif pajjiżna jrid jimxi sabiex jagħmel il-qalba għall-użu ta’ karozzi elettriċi. Saħaq kif ma jridx ipoġġi piż fuq in-nies u jeħtieġ nużaw il-fondi Ewropej. F’dan il-kuntest qal li Malta trid tagħmel argument b’saħħtu fil-fora Ewropea li peress li ma nistgħux nagħmlu mezzi ta’ trasport massiċċ minħabba d-daqs ta’ pajjiżna, allura rridu nġibu finanzjament biex inwittu t-triq għall-qalba ta’ użu ta’ vetturi elettriċi.
Semma wkoll kif huwa jrid jara li l-pjazzez Maltin u Għawdxin jitgawdew min nies. Semma kif mill-ewwel tas-sena, l-importazzjoni tal-plastik waqaf, fejn din il-miżura se tkompli tgħin fil-ġlieda sabiex pajjiżna jkun iżjed nadif u l-proġett ta’ nofs miljun ewro tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart se jkompli jgħin f’dan is-settur tal-ambjent.
Tkellmet ukoll mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela li saħqet kif iż-żgħażagħ kienu katalisti sabiex għamlu diversi bidliet. Tkellmet dwar kif il-pandemija laqtet is-saħħa mentali ta’ kulħadd u ħdejn pajjiżi oħra minħabba li kellhom jew għadhom b’lockdown, Malta ma kellniex impatt daqs pajjiżi oħra. Hija ħeġġet liż-żgħażagħ li jekk iħossuhom waħidhom u jkollhom mument ta’ sfida sabiex jersqu ‘l quddiem u jitkellmu. Hawnhekk ukoll semmiet il-ftuħ ta’ klinika fil-komunità f’Ħal Qormi li qed tagħti bosta servizzi ta’ kura għas-saħħa mentali taħt saqaf wieħed flok persuna jkollu jirrikorri għal Mater Dei.
Il-Prim Ministru qal kif huwa jemmen li huwa għodda sabiex noħorġu mill-pandemija. Qal kif il-wasla tal-vaċċin bdiet il-bidu tat-tmiem ta’ din il-pandemija. Appella sabiex dawk li jirċievu l-invit immorru jieħdu dan il-vaċċin. Qal kif pajjiżna qiegħed minn ta’ quddiem f’din il-ġlieda hekk kif għandek pajjiżi li għadhom lanqas waslulhom id-dożi tat-tilqim.