Jaslu f’pajjiżna l-ewwel dożi tal-vaċċin tal-Moderna – One News

Notifiki

Jaslu f’pajjiżna l-ewwel dożi tal-vaċċin tal-Moderna

Kien għall-ħabta ta’ nofsillejl tat-Tnejn, xħin fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta waslu l-ewwel dożi tal-vaċċin għal kontra l-Covid-19 tal-kumpanija farmaċewtika tal-Moderna.

Dawn l-ewwel dożi waslu permezz ta’ titjira tal-linja nazzjonali tal-ajru, Air Malta li telqet minn Brussell.

Dawn id-dożi waslu f’pajjiżna, hekk kif l-Erbgħa li għadda l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini rrakkomandat li l-vaċċin tal-Moderna huwa wieħed sigur u mbagħad ftit wara ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun jista’ jitqassam madwar il-pajjiżi Ewropej.

Dan il-vaċċin se jkun qed jingħaqad mal-vaċċin tal-BioNTech u Pfizer li ġie approvat fil-21 ta’ Diċembru, bl-ewwel 10,000 doża waslu f’pajjiżna l-għada tal-Milied.

Minn hemmhekk skata proċess ta’ tilqim, fejn bħalissa qed jitlaqqmu l-ħaddiema tas-saħħa, flimkien ma’ anzjani li jgħixu fid-djar tal-anzjani u l-ħaddiema f’dawn id-djar. Barra minn hekk, minn din il-ġimgħa bdew jitqassmu l-ittri sabiex anzjani li għandhom ‘il fuq minn 85 sena jibdew jitlaqqmu.

It-tilqim ta’ Moderna se jkun qed jingħata fuq darbtejn bħal dak ta’ Pfizer, bid-differenza li t-tieni doża tal-vaċċin jingħata wara 4 ġimgħat u dik tal-Pfizer tingħata 3 ġimgħat wara.

Intant, hekk kif dawn id-dożi kienu fi triqthom lejn Malta, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif bil-wasla tal-vaċċin, pajjiżna se jkompli jkun minn ta’ quddiem sabiex ilaqqam lill-poplu Malti u saħaq kif is-saħħa tal-poplu tibqa’ ta’ prijorità.

Filwaqt, li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kif dawn id-dożi jinsabu fi triqthom lejn Malta u rringrazzja lill-Air Malta tax-xogħol tagħha sabiex dawn id-dożi jaslu f’pajjiżna.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend