It-Tnejn, il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo inawgura wirja awdjoviżiva b’riċerka dwar is-sajjieda tal-lampara fil-Belt Valletta.
Dan il-proġett tal-artist Gilbert Calleja jinkorpora fih riċerka dwar is-sajjieda tal-lampara f’pajjiżna.
Calleja ħa madwar seba’ snin jaħdem mill-qrib mal-familja Xlukkajra, li għal diversi ġenerazzjonijiet ħadmu fuq il-baħar. Bl-użu ta’ mezzi awdjoviżivi, niseġ rakkont li fih jispikka mhux biss is-sajjied imma wkoll l-irwol tiegħu fin-nisġa soċjo-kulturali li fuqha huma msejsa l-kommunitajiet tax-xtut Maltin, rabtiet storiċi li s-sajjieda Maltin kellhom u li għad għandhom ma’ sajjieda fil-Mediterran fosthom l-Isqallin li mingħandhom tgħallmu s-sengħa tas-sajd tal-lampara.
Waqt l-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja, il-Ministru Anton Refalo qal kif id-Dipartiment tas-Sajd dejjem jgħin sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn is-sajjieda ta’ skala żgħira, l-istituzzjonijiet governattivi, l-edukaturi u l-artisti biex b’kollaborazzjoni sħiħa jwasslu l-għarfien tal-ħidma u s-sengħa tas-sajjieda Maltin. Tkellem ukoll dwar il-wirt li jgħaqqadna bħala poplu li rridu nkomplu nħarsu.