Notifiki

In-numru ta’ avukati tat-tfal jitla’ għal sebgħa

L-Avukati tat-Tfal huma avukati li issa, wara bidliet fil-liġi ta’ Malta, huma r-rappreżentanti ta’ persuni minuri f’każijiet bħal separazzjonijiet.

Dan l-irwol kien eżistenti fil-passat iżda issa sar iktar definit bil-għan li jipproteġi speċifikament lit-tfal. Hekk spjegat Dr Charmaine Cherret, li hija waħda mill-ħames avukati tat-tfal ġodda, biex issa l-ammont ta’ avukati tat-tfal tela’ għal sebgħa.

Hija fissret: “Bl-introduzzjoni tal-liġi li daħlet issa fis-seħħ, l-Att tal-Protezzjoni tal-Minuri, l-irwol tal-avukat tat-tfal ħa dimensjoni oħra. Fis-sens li aħna qabel konna bħala avukat tat-tfal, ekwivalenti bħala espert mill-Qorti, però issa, l-avukat tat-tfal huwa ekwivalenti għal difensur tal-interessi tal-minuri.”

Dan ix-xogħol huwa siewi ferm fil-każijiet tal-Qorti tal-Familja hekk kif ħafna drabi, t-tfal jinqabdu f’nofs l-argumenti tal-ġenituri tagħhom.

Dan l-istazzjon tkellem ukoll mall-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, li spjega kif sfortunatament, fatturi bħal-kustodja tat-tfal jiġi deċiż abbażi tal-kumdità tal-ġenituri. Stqarr li x-xogħol tal-avukat tat-tfal huwa li jippreveni każijiet bħal dawn u tiġi kkunsiddrata l-kumdità tat-tfal.

Huwa spjega f’aktar dettall dan l-irwol: “Il-Qorti tal-Minuri taħtar hi l-avukat u dan ikun qishom l-avukat tagħhom, anzi mhux hekk biss. Il-liġi tgħid ukoll li dan irid jispjega lill-minuri x’inhu għaddej, dejjem skont l-età tal-minuri. Ovvjament jekk ikunu żgħar ħafna xorta jieħu l-interess tagħhom. Imma fejn ikunu ta’ ċertu età, irid jispjegalhom il-proċedura ta’ kull ma jkun għaddej quddiem il-Qorti biex imbagħad il-Qorti tkun tista’ tieħu deċiżjoni fl-interess tal-minuri.”

Dan it-titjib fil-Qrati Maltin huwa mmirat sabiex itejjeb il-ġustizzja f’pajjiżna billi jassigura s-sigurtà ta’ persuni vulnerabbli, iżda din l-inizjattiva mhijiex waħda iżolata.

Fil-fatt, il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis spjega li għad fadal ħafna xogħol x’isir, speċjalment fil-Qorti tal-Familja.

Huwa stqarr: “Eżempju prattiku huwa l-proċess li ndaħħlu t-teknoloġija tal-informazzjoni fil-Qrati. Jiġifieri pereżempju, fakultà fejn minuri ma jkollhomx għalfejn jagħtu xhieda quddiem il-ġenituri tiegħu imma jixhed minn post ieħor. Qed naħdem mal-Ministru Michael Falzon li ndaħħlu kunċett ta’ ‘safehouse’, kunċett Nordiku fejn tfal minuri jixhdu f’dar normali ‘l bogħod mill-Qrati u dik is-sitwazzjoni stretta biex ovvjament dik ix-xhieda tintuża fil-kawża.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend