Elton Brincat ta’ 42 sena mill-Marsa u Brandon Cachia ta’ 33 sena mill-Birgu nżammu arrestati wara li tressqu l-Qorti mixlija li serqu mobile u weġġgħu anzjan fl-ewwel jum tas-sena fil-Marsa.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roderick Attard qalet li l-każ seħħ fl-ewwel jum tas-sena għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu, meta allegatment l-imputati ħebbew għall-anzjan ta’ sebgħa u sittin sena waqt li kien miexi fi Triq is-Salib tal-Marsa, fil-Marsa.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest ta’ Brandon Cachia, hekk kif spjegat kif l-aħħar reat li għamel kien fl-elfejn u sbatax u r-reat mhux wieħed gravi.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni ma qablitx ma’ dan u oġġezzjonat għal din it-talba.
Id-difiża talbet sabiex ix-xhieda, fosthom il-vittma jitressqu jixhdu kemm jista’ jkun malajr.
L-imputati li t-tnejn qalu li ma jaħdmux wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.