Il-Ġimgħa filgħodu ġiet imnedija l-Awtorità Maltija għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Din l-awtorità nħolqot bil-għan li tiżġura l-ogħla livell ta’ edukazzjoni skont bl-Att dwar l-Edukazzjoni rivedut li daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ din l-awtorità Rose Ann Cuschieri qalet kif din l-awtorità se tkun qed tippromovi aktar l-edukazzjoni fil-komunità. Ma’ ONE News, Dr. Cuschieri qalet li l-awtorita se tkompli ssaħħaħ ix-xogħol li kienet tagħmel l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla.
“Illum l-awtorità se tkun iktar awtonoma, taħdem b’mod iżjed awtonomu u l-poteri huma kbar. Illum l-awtorità toħroġ liċenzji, takkredita l-affarijiet u korsijiet u l-iskop kien mhux nibdew xi ħaġa mill-ġdid imma nkomplu nibnu u nsaħħu dak li kellha l-Kummissjoni.”
Dr. Cuschieri qalet kif bħala awtorità tibda minn livell bażiku wieħed li jitla’ sa livell tmienja tal-edukazzjoni ogħla.
Waqt it-tnedija ta’ din l-awtorità kien hemm preżenti l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana li qalet kif it-twaqqif ta’ din l-awtorità huwa żvilupp importanti fis-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna. Dr. Caruana qalet kif permezz ta’ din l-awtorità, pajjiżna se jkun qiegħed fiċ-ċentru tal-innovazzjoni u li nħarsu ‘l quddiem b’ispirazzjoni.